|
Mill-Kummissjoni
Djoċesana Familja...
GRAZZI LIN-NANNIET
KOLLHA
Fl-okkażjoni
tal-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin (l-Erbgħa,
26 ta’ Lulju) il-Kummissjoni Djoċesana Familja
tixtieq tiftakar fin-nanniet kollha u
tirringrazzjahom għax-xogħol prezzjuż li qed
jagħmlu kemm ma’ uliedhom kif ukoll ma’ ulied
uliedhom. Fl-istess ħin, tħeġġeġ lin-nanniet
biex ikomplu jgħaddu l-fidi u l-valuri tagħhom
lill-familjari kif stednithom jagħmlu l-Ħames
Laqgħa Mondjali tal-Familji li għadha kif saret
f’Valenzja fi Spanja.
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tixtieq b’mod
speċjali tirringrazzja lil dawk in-nanniet li
qed jagħtu sehemhom fit-trobbija tan-neputijiet
speċjalment f’dawk il-każi meta ż-żewġ ġenituri
jaħdmu. Barra l-apprezzament li jistħoqqilhom,
dawn in-nanniet għandhom jirċievu sostenn u
għajnuna mis-soċjeta’.
Wasal iż-żmien li jibdew isiru korsijiet apposta
għan-nanniet biex jgħinuhom fit-trobbija tan-neputijiet
tagħhom. Dawn il-korsijiet għandhom ikunu
ndirizzati lejn il-ġenituri u n-nanniet flimkien
biex flimkien jitgħallmu jagħmlu l-għażliet u
jiffaċċjaw il-problemi li t-trobbija tat-tfal
tista’ ġġib magħha.
In-nanniet m’għandhom qatt ikunu sfruttati
speċjalment mit-tfal tagħhom stess. Niftakru li
mhux in-nanniet kollha għandhom l-enerġija biex
jieħdu ħsieb għal sigħat twal it-tfal tat-tfal
tagħhom. In-nanniet għandhom bżonn aktar minn
qatt qabel il-ħin tal-mistrieħ tagħhom. |