|
Ċensiment tal-Quddies f’Ħal Tarxien
55% GĦADHOM
JIĠU L-QUDDIES
L-attendenza ta’ residenti
mill-parroċca tagħna fil-quddies tas-Sibt
filgħaxija jew tal-Ħadd hija ta’ 55.2%, ċifra
li hija 4.2% iżjed mill-medja f’Malta u 2.6% iżjed
mill-medja għall-Malta u Għawdex flimkien.
Għalhekk mid-djoċesi ta’ Malta, il-parroċċa
tagħna tiġi l-erbatax-il
waħda f’dak li huwa ħarsien tal-obligu
tas-smiegħ tal-quddies, waqt li għandha l-ogħla
attendenza meta paragunata mal-parroċċi l-oħra
tal-ħames distrett.
Dawn il-figuri joħroġu
mir-rapport preliminary taċ-Ċensiment
tal-Quddies tal-Ħadd li kien sar f’Ottubru
tas-sena l-oħra u li ġie publikat
mill-Arċidjoċesi ta’ Malta nhar l-Erbgħa, 23 ta’
Awissu.
Skond iċ-ċensiment
uffiċċjali tal-Gvern li sar ukoll fl-istess
żmien, il-popolazzjoni tar-raħal tagħna
hija
ta’ 7608. Iżda minn dawn hemm madwar 826
(10.86%) li jew minħabba li kienu għadhom taħt l-eta ta’
7 snin jew minħabba mard ma kienux obligati li
jattendu għall-quddies. B’hekk minn total ta’
6777, li kienu marbuta bil-preċett tal-Ħadd,
attendew 3741. Minn dawn, 45% huma tas-sess
maskil, waqt l-kumplament ta’ 55% huma tas-sess
femminil.
Ir-rapport jagħti wkoll dettalji ta’ kif kienet
imqassma l-attendenza fil-knejjes differenti
tar-raħal. Fil-knisja parrokkjali marru 1260.
Fil-knisja tal-Erwieħ marru 1055. Fil-knisja ta’
l-Agostinjani marru 804, waqt li 26 kienu
attendew il-quddiesa li dak in-nhar saret
fil-kappella ta’ San Bert. Total ta’ 3175.
B’hekk jidher li f’Ħadd iċ-ċensiment kien hemm
566 mir-residenti Tarxiniżi li attendew
għall-quddies fi knejjes barra ir-raħal.
F’nota pastorali dwar ir-riżultat, l-isqfijiet
ta’ Malta u ta’ Għawdex qalu li l-fatt li
għandna 52.6% tal-poplu Malti u Għawdxi li nhar
ta’ Ħadd jiċċelebdra l-Ewkaristija huwa minnu
nnifsu fatt pożittiv. Għalhekk nistgħu ngħidu
li l-figura ta’ 55.2% għal Ħal Tarxien hija
aktar pożittiva u nkoraġġanti. Madankollu kif
stqarrew l-isqfijiet infushom dwar iż-żewġ
djoċesijiet, aħna wkoll nħossu l-bżonn ta’
analisi responsabbli li tgħina nifhmu għaliex
kważi 45% mill-parroċca tagħna ma jkunux
preżenti mal-bqija tal-komunità għall-quddies
tal-Ħadd. Ċerti li dan se jkun fost l-ewwel
punti, li l-kappillan il-ġdid, Dun Reuben
Deguara se jkollu fuq l-aġenda tiegħu hekk kif
fi ftit ġranet oħra, huwa jibda’ l-ħidma
pastorali tiegħu fostna.
Ara n-Nota Pastorali
tal-Isqfijiet >>>
Ara Inizjattivi għal
ċelebrazzjoni aħjar tal-quddiesa >>> |