|
ORDINAZZJONI TA’ SITT SAĊERDOTI ĠODDA
Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, nhar il-Ġimgħa,
30 ta’ Ġunju 2006, fil-Konkattidral ta’ San
Ġwann, Valletta, fis-6.30p.m., se jordna sitt
saċerdoti ġodda. Is-saċerdoti huma erbgħa
djoċesani u tnejn reliġjużi. Dawn huma ir-Rev.
Andrew Borg mill-Parroċċa ta’ Marija Immakulata
Kunċizzjoni fil-Ħamrun, ir-Rev. Michael Bugeja
S.J., ir-Rev. Reuben Gauci mill-Parroċċa ta’ San
Nikola ta’ Bari fis-Siġġiewi, ir-Rev. Louis
Grech S.D.B., ir-Rev. Darren Pace mill-Parroċċa
ta’ Marija Assunta fil-Mosta u ir-Rev. Dunstan
Xuereb mill-Parroċċa ta’ San Nikola ta’ Bari,
is-Siġġiewi.
Nhar il-Ħamis, 29 ta’ Ġunju 2006, fit-8.00p.m.,
se tiġi organizzata siegħa adorazzjoni
fis-Seminarju ta’ l-Arċisqof, ir-Rabat, b’talb
speċjali għal dawn id-djakni li se jiġu ordnati
saċerdoti ġodda. Kulħadd jista’ jattendi.
Il-pubbliku li jattendi għall-ordinazzjoni
tal-Ġimgħa hu mfakkar li fil-KonKattidral
mhumiex permessi żraben bit-takkuna bil-ponta.
FESTA TAL-BEATU NAZJU FALZON
Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Lulju, tiġi
ċelebrata
f’artna l-festa tal-Beatu Malti Nazju Falzon.
Fil-knisja Tal-Ġiżwiti,
Valletta, il-knisja fejn fis-sena 1844 il-Beatu
Nazju Falzon waqqaf “Kongregazzjoni” għall-membri
tas-Servizzi u li fiha
ħejja
665 persuna għas-Sagrament
tal-Magħmudija
jew biex jiġu
milqugħa
fil-Knisja, fl-1 ta' Lulju fl-10.00 a.m. se tiġi
ċelebrata Quddiesa għall-membri u ex-membri
tas-Servizzi. F’nofsinhar ikun hemm Quddiesa
oħra għall-Kattoliċi li jitkellmu bl-Ingliż u
għall-Maltin miżżewġin ma’ barranin.
Il-ġurnata ta’ qabel, il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju,
fis-5.45p.m. fl-istess knisja jsir
it-tesserament tal-membri tal-“Catholic Enquiry
Centre” li l-Beatu Nazju Falzon hu patrun
tagħhom. Fis-6.00p.m. issir mixja mill-knisja
Tal-Ġiżwiti għall-knisja tal-Patrijiet
Franġiskani Minuri, Ta’ Ġieżu, bl-Urna
bil-fdalijiet tal-Beatu Nazju Falzon, fejn
fis-6.15p.m. tibda Quddiesa għall-morda. |