|

L-AĦĦAR KLIEM TA’ ĠESÙ FUQ
IS-SALIB
1. "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu."
(Luqa 23:34)
2. "Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."
(Luqa 23:43)
3. “Mara, hawn hu ibnek." "Hawn hi ommok."
(Ġwanni 19:26-27)
4. "Eloi, Eloi, lema sabaqtani?" “Alla tiegħi, Alla tiegħi,
għaliex tlaqtni?”
(Mattew 27:46)
5. "Għandi l-għatx?"
(Ġwanni 19:28)
6. "Kollox hu mitmum?"
(Ġwanni 19:30)
7.
"Missier, f'idejk jien nerħi ruħi."
(Luqa 23:46)
Ġesù msallab
Ġesù rafa' s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ
'il-Qorriegħa', bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma' tnejn
oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u
waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub,"Ġesù ta'
Nazaret, is-sultan tal-Lhud." Din il-kitba qrawha ħafna Lhud,
għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba
kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin
il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: "Ma kienx imissek
tikteb, 'Is-sultan tal-Lhud,' imma li 'Dan qal: Jiena sultan
tal-Lhud.'?" Pilatu wieġeb: "Issa li ktibt ktibt?" Wara li
sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh
f'erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll
it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda
minn fuq s'isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: "Ma nqattgħuhiex,
iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha." Kien
hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta'
Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u
lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara,
hawn hu ibnek." Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U
minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-mewt ta' Ġesù
Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum,
biex isseħħ l-Iskrittura qal: "Għandi l-għatx?" Kien hemm
bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha
ma' qasba ta' l-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa
l-ħall, qal: "Kollox hu mitmum?" Mbagħad mejjel rasu u radd
ruħu.
Il-ġenb minfud ta' Ġesù
Billi kien Jum it-Tħejjija ta' l-Għid, il-Lhud ma ridux li
f'jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt
kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex
jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati
u kisru r-riġlejn ta' l-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu
msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien
ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati
nifidlu ġenbu b'lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan
qiegħed jixhdu min ra b'għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija
minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll
temmnu.
(Ġw. 19:17-35)
|