|
X’INHUWA DAN L-ARKIVJU? Il-ħsieb li l-Parroċċa Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien ikollha l-website uffiċċjali tagħħa kien ilu jberren f’moħħ uħud mill-operaturi pastorali, fosthom il-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Karm Mercieca, sa mis-sena 2000, iżda l-ewwel xogħol ta’ tħejjija nistgħu ngħidu li beda għall-ħabta ta’ Marzu 2004. F’Ottubru 2004 gie reġistrat l-isem u l-indirizz tas-sit http://www.tarxienparish.org u f’dawk il-jiem ukoll sar ftehim mal-kumpanija tas-software Intertek Laboratories Ltd biex tippublika l-website. Ftit jiem wara, eżattament fid-9 ta’ Novembru ta’ l-istess sena, ġiet imtella għall-ewwel darba fuq l-internet, il-website uffiċċjali tal-parroċċa. Minn dak iż-żmien sal-lum l-ewwel paġna baqgħet tiġi aġġornata regolarment. Fi ġranet speċjali bħal dawk tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II u fil-jiem tal-konklavi meta ġie maħtur il-Papa Benedittu XVI, l-ewwel paġna tal-website ġiet mibdula iktar minn darba kuljum. Tajna l-aħbar tal-mewt tal-papa, tliet minuti biss wara li seħħet. L-istess għamilna dak in-nhar tal-elezzjoni tal-Kardinal Ratzinger bħala suċcessur ta’ Ġwanni Pawlu II. Ftit jiem wara li bdejna, ħassejna li l-paġni l-imgħoddija m’għandhomx jintilfu u llum huwa pjaċir tagħna li bi ftit eċċeżżjonijiet qed niftħu l-arkivju tagħna fejn żammejna il-fajls tal-bosta mill-ewwel paġni passati. |