IR-RAKKONT TAN-NAWFRAĠJU TA’ l-APPOSTLU PAWLU F’MALTA
Il-vjaġġ ta' Pawlu għal Ruma
Meta qatgħuha li kellna nitilqu għall- Italja,
ħallew lil Pawlu u 'l xi ħabsin oħra f'idejn ċenturjun
tar-riġment ta' l-imperatur, jismu Ġulju. Tlajna fuq ġifen ta' Adramitti, li kien se jitlaq
għall-inħawi ta' l-Asja, u qlajna 'l barra. Kellna magħna lil
Aristarku minn Tessalonika tal-Maċedonja. L-għada wasalna Sidon. Ġulju mexa tajjeb ma' Pawlu, u
ħallieh imur għand ħbiebu biex jagħtuh li kellu bżonn. Tlaqna minn hemm u mxejna għall-irdoss
ta' Ċipru, għax l-irjieħ kienu kontrina. Mbagħad qsamna l-baħar lejn
in-naħa taċ-Ċiliċja u tal-Pamfilja u wasalna Mira
f'Liċja. Hemm iċ-ċenturjun sab
ġifen minn ta' Lixandra li kien sejjer l-Italja, u tellagħna fuqu. Għal ħafna jiem imxejna bil-mod, u
bit-tbatija wasalna biswit Knidu. Billi l-irjieħ ma ħallewniex nersqu
'l ġewwa, għaddejna għal l-irdoss ta' Kreta lejn in-naħa
ta' Salmoni. Wara li mxejna magħha
bit-tbatija, wasalna f'post, msejjaħ il-Portijiet is-Sbieħ, li kien
qrib il-belt ta' Lasaja. Kien għadda ħafna
żmien u s-safar kien ġa sar perikoluż, għax Jum is-Sawm
kien ġa għadda. Għalhekk Pawlu wissiehom u qalilhom: ̋Ħbieb,
qiegħed nara li s-safra se tkun ta' ħsara u telf kbir, mhux biss
għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna
wkoll.̏ Imma ċ-ċenturjun aktar qagħad għal dak li
qallu l-kaptan u sid il-ġifen milli għal dak li qal Pawlu. Billi l-port ma kienx tajjeb
biex ngħaddu x-xitwa fih, il-biċċa l-kbira kienu tal-fehma li
naqilgħu 'l barra minn hemm biex forsi nkunu nistgħu naslu
Feniċi, port ta' Kreta, li jħares lejn il-lbiċ u l-majjistral, u
ngħaddu x-xitwa hemm.
It-tempesta fil-baħar
U billi qamet żiffa
min-naħa tan-nofsinhar, stħajjlu li kienu se jilħqu l-ħsieb
tagħhom. Refgħu l-ankra u mxew max-xatt ta' Kreta. Imma f'daqqa waħda qam
riefnu qawwi, jgħidulu grigal, u beda jonfoħ min-naħa
tal-gżira. Il-ġifen inqabad u ma setax iżomm kontra r-riħ; u
aħna ntlaqna għall-qawwa tar-riħ u ħallejnieh iġorrna. B'ġirja waħda
għaddejna taħt ir-riħ ta' daqsxejn ta' gżira jisimha Kawda.
Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha
mill-baħar. Mbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt
biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li
ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna
miegħu. L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu
t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir
tal-ġifen b'idejhom stess. Għal ħafna jiem la dehret xemx u
lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li
fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw. In-nies kienu ilhom ħafna
ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f'nofshom u qalilhom:
̋Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu
teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex
tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef ħajtu;
il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta' dak
Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, 'Tibżax, Pawlu.
Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja
li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.' Mela qawwu qalbkom, ħbieb.
Jien nemmen f'Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li
naħbtu ma' gżira.̏ Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu
mitfugħin 'l hawn u 'l hemm fil-baħar ta' Adrija.
Għall-ħabta ta' nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna
resqin qrib xi art. Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu
għoxrin qama; mxejna ftit ieħor 'il quddiem, reġgħu
skandaljaw, u sabu ħmistax. Huma beżgħu li xi mkien konna se
naħbtu ma' xi skoll, u għalhekk niżżlu erba' ankri mill-poppa.
Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ. Il-baħrin bdew ifittxu li
jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar
bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda Pawlu qal
liċ-ċenturjun u lis-suldati: ̋Jekk dawn ma jibqgħux fuq
il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.̏ Mbagħad is-suldati
qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal
riħha. Meta sar il-ħin biex
jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu
b'xi ħaġa, u qalilhom: ̋Issa ġa ilkom erbatax-il
ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb
u trejjqu b'xi ħaġa ta' l-ikel; dan jiswielkom għal
saħħitkom, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef xagħra
waħda minn rasu.̏ Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd
il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Mbagħad kulħadd
għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta' l-ikel huma wkoll. Konna b'kollox mitejn u sitta u
sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu
l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.
In-nawfraġju ta' Pawlu f'Malta
Xħin imbagħad
sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u
qatgħuha li, jekk jistgħu, jitfgħu l-ġifen fuqha. Rħew l-ankri u telquhom
il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Mbagħad tellgħu
l-qala' ż-żgħir ta' quddiem għar-riħ u rħewlha
lejn ix-xtajta. Iżda ħbatna ma' sikka bejn żewġ kurrenti, u
l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet
imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa
bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ. Is-suldati riedu kieku joqtlu
l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun,
li ried isalva 'l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom
iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu
huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom
jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra
tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.
Pawlu f'Malta
Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien
jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu
ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb
lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet
nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu qabad qabda zkuk
niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli
ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma' id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw
il-lifgħa mdendla ma' idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor:
̋Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li
ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux
jgħix!̏ Imma hu farfar il-lifgħa
ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh
jintefaħ jew jaqa' u jmut f'daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw
li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi
alla. F'dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma
tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u
bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u
d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed
idejh fuqu u fejjqu. Wara dan imbagħad bdew
ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Wrewna ġieħ kbir, u
meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna
neħtieġu.
Pawlu jasal Ruma
Wara tliet xhur tlaqna fuq
ġifen li kien għadda x-xitwa fil-gżira; kien ġifen ta'
Lixandra, bix-xbieha tad-Dijoskuri fil-pruwa. Nżilna Sirakuża, fejn
qgħadna tlitt ijiem. Minn hemm għaddejna max-xatt ix-xatt u
wasalna Reġġju. Il-jum ta' wara qam riħ min-nofsinhar, u
l-għada wasalna Putijoli. Hemm sibna xi aħwa, li stdnuna
noqogħdu sebat ijiem magħhom. U hekk wasalna Ruma. L-aħwa ta' din il-belt, li
semgħu bina, ġew sal-Forum ta' Appju u sat-Tliet Tvieren biex
jilqgħuna. Malli rahom, Pawlu radd il-ħajr 'l Alla u qawwa qalbu. Meta dħalna Ruma, Pawlu
tawh il-permess joqgħod għalih b'suldat għassa miegħu.