|
Diskors tal-Papa Benedittu XVI fil-Kamp tal-Konċentrament f’Auschwitz – 28 Mejju 2006 "MHUX LI ALLA L-ĦAJ MA JĦALLI QATT IŻJED LI DAN JERĠA’ JIĠRI" Huwa kważi impossibli li titkellem f’dan il-post tat-tkexkix, f’dan il-post fejn seħħew, kontra Alla u kontra l-bniedem, delitti tal-massa li bħalhom qatt ma nstama’ – u dan huwa partikularment diffiċli u ta’ dwejjaq għal Nisrani, għal Papa mill-Ġemanja. F’post bħal dan wieħed ma jsibx kliem; fl-aħħar jista’ jkun hemm biss silenzju li jbażża’ – silenzju li fih innifsu huwa karba lil Alla: “Għaliex, Mulej, bqajt sieket? Kif stajt tippermetti dan kollu? Fil-ħemda, imbagħad inbaxxu rasna, quddiem il-lista bla tmiem ta’ dawk li batew u li inqatlu hawn; b’danakollu il-ħemda tagħna jinbidel f’talba għall-maħfra u rikonċiljazzjoni, talba lil Alla ħaj biex qatt aktar ma jħalli li dan jerġa’ jseħħ. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ġie f’dan il-post bħala iben ta’ dak il-poplu, li flimkien mal-poplu Lhudi, bata’ l-aktar kemm f’dan il-post kif ukoll b’mod ġenerali tul il-gwerra. Sitt miljun Pollakk tilfu ħajjithom matul it-Tieni Gwerra Dinjija: wieħed minn kull ħamsa tan-nazzjon. Kien hawn li Ġwanni Pawlu II għamel sejħa biex il-jeddijiet umani jkunu rispettati. Ġwanni Pawlu II ġie hawn bħala bin il-poplu Pollakk. Jiena ġejt hawn illum bħala iben il-poplu Ġermaniż. Għal din ir-raġuni nista’ u għandi ntenni l-kliem li qal hu: “Ma stajtx ma niġix hawn. Kelli niġi. Huwa dmir quddiem il-verità u dak li kien mistħoqq lil dawk kollha li sofrew hawn. Għalija huwa dmir quddiem Alla, li niġi hawn bħala s-suċċessur ta’ Ġwanni Pawlu II u bin il-poplu Ġermaniż – iben dak il-poplu li nħakem minn ċirku ta’ kriminali wara wegħdiet foloz ta’ futur ta’ kobor u ta’ ksib mill-ġdid tal-unur tan-nazzjon, prominenza u prosperità, imma wkoll permezz ta’ terrur u intimidazzjoni, bir-riżultat li l-poplu tagħna kien użat u abbużat bħala strument tal-kilba li kellhom għal-qerda u għall-poter. Kemm iqumu domandi f’post bħal dan! Kontinwament titfaċċa il-mistoqsija: “Fejn kien Alla matul dawk il-jiem? Kif seta’ jippermetti dan il-qerda bla tmiem, dan it-trijonf tal-ħażen? Jiġi f’moħhna il-kliem tas-Salm 44. Din il-karba ta’ uġigħ, li fit-tbatijiet tiegħu, Israel għolla lil Alla f’mumenti ta’ niket kbir, hija wkoll il-karba għall-għajnuna li jgħollu dawk kollha, li matul kull żmien ... isofru għall-imħabba ta’ Alla, għall-imħabba tal-verità u tat-tjieba. Aħna ma nistgħux ngħarrxu fil-pjani misterjużi ta’ Alla – naraw biss biċċa bicca, u niżbalaw jekk nagħmlu lilna nfusna mħallfin fuq Alla u l-istorja. B’dan il-mod ma nkunux qed niddefendu lill-bniedem imma ngħinu fil-waqgħa tiegħu. Le – kollox ma’ kollox, jeħtieġ li nkomplu nitolbu lil Alla bl-umità, imma b’insistenza: “Tinsiex l-umanità, il-ħlejjqa tiegħek!” Ejjew nitolbu lil Alla b’qalbna kollha, f’din is-siegħa, meta sfortuni ġodda qed jaqgħu fuqna, meta l-qawwiet kollha tad-dlamijiet donnhom ħerġin mill-ġdid mill-qlub tal-bnedmin; kemm jekk huwa l-abbuż ta’ l-isem ta’ Alla bħala mezz biex tkun ġustifikata vjolenza bla sens kontra persuni innoċenti, jew iċ-ċinikiżmu li jirrijuta li jagħraf lil Alla u li jirridokola t-twemmin fiH. Il-post fejn ninsabu huwa l-post tal-memorja, huwa l-post tax-Shoah. Il-passat qatt mhu sempliċiment il-passat. Dejjem għandi xi ħaġa x’jgħidilna; jgħidilna liema huma t-toroq li għandna naqbdu u liema dawk li m’għandnix naqbdu. Uħud mill-iskrizzjonijiet li hawn huma mfâkar li jniggżu. Hemm wieħed bil-Ebrajk. The mexxejja tat-Third Reich riedu li jgħaffġu lill-poplu Lhudi kollu, biex jikkanċellawh minn fuq ir-reġistru tal-popli tad-dinja. Jekk dan il-poplu, bl-eżistenza tiegħu, kien xhud ta’ Alla li kellem lill-umanità u li żammna għalih innifsu, allura Alla fl-aħhar kellu jmut biex il-poter ikun biss f’idejn il-bniedem biss – dawk li ħasbu li bil-qawwa huma għamlu lilhom infushom ħakkiema tad-dinja. Imbagħad hemm il-kitba bil-Pollakk. L-ewwel u qabel kollox riedu jeliminaw lil elite fost in-nies tal-kultura. B’hekk il-poplu Pollakk, bħala suġġett storikament awtonomu, jitħassar mill-eżistenza u jagħmluh wieħed skjav. Kitba oħra li sservi ta’ mafkar niggieżi hija dik miktuba bil-lingwa tal-popli Sinti u Roma. Anke hawn il-pjan kien li dawn jinkinsu kompletament. ... Hemm ukoll kitba bir-Russu, li tfakkar it-telf tremend ta’ ħajja, li sofrew is-suldati Russi li tqabdu kontra l-ħakma terrorista tan-Nażi. Imma din il-kitba tfakkarna wkoll li l-missjoni tagħhom kellha skop traġikament doppju: li jeħilsu poplu minn taħt dittatorjat u jissottomettuh taħt ieħor. dak ta’ Stalin u s-sistema komunista. Il-kitba bil-Ġermaniż qegħda biex tfakkar li l-Ġermaniżi li kienu nġiebu f’Auschwitz-Birkenau u ħallew ħajjithom hawn, kienu meqjusa bħala r-rifjut tan-nazzjon. Iva, wara dawn il-kitbiet hemm moħbija x-xorti ta’ numru bla għadd ta’ bnedmin. Huma jbexxqulna l-memorja tagħna, imissulna qlubna. Ma għandhom ebda xewqa li jnisslu mibegħda f’qalbna: minflok huma juruna l-effett terribbli tal-mibegħda. Ix-xewqa tagħhom hija li tgħin ir-raġuni tagħna biex tara il-ħażin bħala ħażin u tirrifjutah; ix-xewqa tagħhom hija li tħeġġeġ f’qalbna il-kuraġġ biex nagħmlu t-tajjeb u nirreżistu l-ħażin. Iridu jagħmluna nħossu s-sentimenti espressi fil-kliem li Sophocles poġġa fuq xuftejn Antigone, hekk kif ikontemplat l-orrur li kien hemm madwarha; ‘in-natura tiegħi mhix biex ningħaqad fil-mibegħda imma biex nissieħeb fl-imħabba’. |