ILTAQGĦU MIEGĦU FIT-TRIQ

Luqa 13:25 - Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tliet ijiem fuq din il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.

Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa.” Imbagħad daħal joqgħod magħhom.

U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.