Mulej, x’se tagħmel?

Bi ħsiebek tiġi għall-festa?

 

Se jkollna minn kollox, Mulej,

      baned u sparar,

      mixegħla mat-toroq kollha,

      fjuri fit-twieqi,

      bnadar ta’ kull daqs u kulur,

            il-folol joħonqu kull rokna,

      ikel u xorb bix-xaba’ għal kulħadd,

      statwi u xbihat minn kull fejn tgħaddi,

      id-daqq tal-qniepen ma jaqta’ xejn,

      u t-tempju ... x’gawhra ta’ tempju żejjinna,

      trid tarah, Mulej, biex temmen ...

      l-għira ta’ l-irħula kollha.

 

Mulej, x’se tagħmel?

Bi ħsiebek tiġi għall-festa?

 

 

Meta tiġu biex tidhru quddiemi, min talabkom dan minn għandkom, li tirfsu fil-btieħi tiegħi?  La ġġibux iżjed għatjiet għalxejn; l-inċens tagħkom sirt nistkerrhu. Il-qamar ġdid u s-Sibt u s-sejħa tal-laqgħat: ma niflaħx għall-ħażen mal-festi.  L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom nobgħodhom, saru tagħbija għalija, għejejt nerfa’. (Isaija 1:12-14)

 

 

Mulej, x’int tgħid?

Int żgur għalina qed tgħidu dan,

      għall-festi tagħna?

 

Mulej, tikkastiganiex b’dal-mod.

Tħalliniex inkomplu nagħmlulek festi mingħajrek,

      għax jekk ma jkunx hemm int,

      dawn ma jfissru xejn,

            jistgħu ma jsirux.