ĦMISTAX-IL KARDINAL ĠDID

Kitba ta' HARRY AGIUS ORDWAY

Ħajr tar-Ritratti

lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma.

“Il-Konċistorju Ordinarju Pubbliku jgħid ċar: ‘In-natura universali tal-Knisja, li nfirxet f’kull rokna tad-dinja biex tħabbar lill-popli kollha l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu s-Salvatur tagħna.” Hekk beda d-diskors tiegħu l-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI  meta fil- 25 ta’ Marzu li għadda ħatar 15-il Kardinal ġdid, 12 taħt it-80 sena li jistgħu jivvutaw għal Papa ġdid, u tlieta li qabżu din l-età u ma jistgħux jivvutaw.

L-ewwel qaddej fost il-qaddejja ta’ Alla, skond tifsira li jagħti San Gregorju l-Kbir, hu Sidna Ġesù. Warajh u magħqudin miegħu jiġu l-Appostli…b’mod partikulari fosthom, Pietru. Il-Papa għandu jagħmel lilu nnifsu l-qaddej ta’ kulħadd”, kompla Benedittu.

Lill-Kardinali l-ġodda uriehom li għandhom ikunu magħquda mas-Suċċessur ta’ Pietru, jaħdmu lkoll flimkien miegħu biex jilħaq is-servizz partikulari u ekklesjali tiegħu u li dan ifisser li jridu jieħdu sehem sħiħ fil-Misteru tas-Salib u li jridu jaqsmu bejniethom it-tbatijiet ta’ Kristu. Il-Papa wera x-xewqa tiegħu li l-kulur aħmar li issa qed jilbsu juri l-‘caritas Christi’ u jispirhom f’imħabba mill-aqwa għal Kristu, għall-Knisja Tiegħu, u għal l-umanità kollha.

Il-Papa kompla hekk: “Qed nafda fikom, venerabbli aħwa, qed nafda fil-Kulleġġ kollu li intom issa qed tagħmlu parti minnu, biex ixxandru lid-dinja li “Deus caritas est” u biex tagħmlu hekk fuq kollox bix-xhieda sinċiera ta’ komunjoni bejn il-Kristjani.”

“Qed nafda fikom li tiżguraw li l-prinċipju ta’ l-imħabba jinfirex ma’ kullimkien u jagħti ħajja ġdida lill-Knisja f’kull livel tal-ġerarkija tagħha, f’kull grupp tal-fidili, f’kull istutuzzjoni reliġjuża, u f’kull inizjattiva spiritwali, appostolika, u umanitarja,” kompla l-Qdusija Tiegħu.

Benedittu XVI temm id-diskors tiegħu hekk: ”Qed nafda fikom li taraw li hi l-ħerqa  tagħna lkoll li nitfgħu ħarsitna fuq il-Qalb miftuħa ta’ Kristu biex tgħina nimxu l-mogħdija li twassalna għal għaqda sħiħa bejn il-Kristjani; li l-wens tal-Knisja għall-fqar u dawk fil-bżonn tisfida lid-dinja b’turija ta’ mħabba bla qjies. Dan kollu hu ssimbolizzat fl- ‘aħmar’ li ġejtu mlibbsa. Jalla jkun għalikom is-simbolu ta’ mħabba Kristjana bla tarf li  tħaġġeġ matul il-jiem kollha ta’ ħajjitkom.”

Kull Kardinal ġie mogħti titlu jew djakonat ta’ xi knisja mgħoddija lilu

Il-Kardinali

Il-Kardinal William Joseph Levada, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi; djakonat ta’ Santa Marija ġo Dominka. Għandu 69 sena u kiteb it-teżi dottrinali tiegħu fit-teoloġija fl-Università Gregorjana ġewwa Ruma dwar is-suġġett: L-infallibilità tal-Magisterum tal-Knisja u l-Liġi Naturali Morali. Ħadem fil-Kongregazzjoni għad-Duttirina tal-Fidi mill- 1976 sa l- 1982. Sar Arċisqof ta’ Portland fl- 1986 u Arċisqof ta’ San Francisco fl- 1995. Kien l-uniku Isqof Amerikan fil-Kumitat editorjali tal-Kummissjoni tal-Vatikan għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Hu magħruf bħala bniedem ħawtiel ħafna, attent ħafna fejn tidħol id-duttrina, imma mexxej flessibbli u prammatiku b’kapaċità kbira biex jikseb riżultati mill-ewwel.

Il-Kardinal Franc Rodé C.M., Prefett tal-Kongregazzjoni għal l-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u soċjetajiet ta’ Ħajja appostolika; djakonat ta’ San Franġisku Saverju ġo Garbatella. Twieled 71 sena ilu ġewwa Llubljana, Slovenja minn fejn kien ħarab mal-familja tiegħu fl- 1945 lejn l-Awstrija u minnhemm lejn l-Arġentina. Ġie ordnat fi ħdan l-Vinċenzini fl- 1960 u għandu dottorat fit-teoloġija mill-Istitut Kattoliku ta’ Pariġi. Mar lura fis-Slovenja ħames snin wara fejn kien maħtur direttur ta’ l-iskola Vincenzina, kien provinċjal viżitatur u kien jgħallem it-teoloġija fundamentali u l-missjoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija ġewwa Ljubljana. Fl- 1981 ġie maħtur uffiċjal fis-Segretarjat għal dawk li ma jemmnux, Segretarju sena wara, u laħaq Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura fl- 1993. Hu megjuż bħala tradizzjonalista, għalkemm prammatiku fin-naħa pastorali u għaref fl-affarijiet kulturali kurrenti. Fl- 1999 tkellem fis-Sinodu Ewropej. Għall-kumment tal-Poeta Franċis Pierre Emmanuel: ‘Tgħix għal Alla jew tgħix għall-mewt’, Rodé, dak inhar Arċisqof qal: ‘Dik hi id-dilemma. Nittamaw li l-bniedem Ewropej jagħżel lil Alla, u miegħu, il-ħajja mhux il-mewt.’

Il-Kardinal Agostini Vallini, Prefett tat-Trinunal Suprem tas-Signatura Appostolika; djakonat ta’ San Pietru Damian ai Monti ta’ San Paolo. Twieled ġewwa Poli, fl-Italja fid-djoċesi ta’ Tivoli 65 sena ilu u wara kien vigarju ġenerali fl-arċidjoċesi ta’ Napli. Mill-1999 sas-sena 2004 kien isqof ta’ Albano, fejn fis-sena 2001 omm u binha ta’ tliet snien kienu ġew attakkati u maqtula minn żewġ żgħażagħ minn hemm stess. Vallini kien sejjaħ għall-maħfra imma fl-istess waqt kien talab eżami tal-kuxjenza   lis-soċjetà kollha li tagħraf: kunċett falz ta’ libertà individwali li tispiċċa biex tikkomprometti t-tajjeb fl-istess soċjetà u d-dritt għall-ħajja. Vallini hu magħruf bħala avukat espert fil-liġi kanonika, u l-kap ta’ tip ta’ Qorti Suprema tal-Knisja.

Il-Kardinal Jorge Liberato Urosa Savino,  ta’ 63 sena, Arċisqof  ta’ Caracas, fil-Venezuela, minn Settembru li għadda; bit-titlu ta’ Santa Maria ai Monti mogħti lilu mill-Papa waqt il-Konċistorju. Għandu d-dottorat fit-teoloġija mill-Università Gregorjana u hu magħruf bħala ta’ natural kwiet u għandu ħeġġa kbira pastorali. Għalkemm l-Isqfijiet tal-Venezuela xellfu d-dwiefer mal-President Hugo Chavez, Urosa Savino żamm il-bogħod mill-gruppi politiċi fi ħdan l-oppożizzjoni. Hu bniedem li jaħseb sew qabel kull deċiżjoni li jieħu.

Il-Kardinal Gaudencio B. Rosales, Arċisqof ta’ Manilla fil-Filippini; bit-titlu ta’ l-Isem l-Aktar Qaddis ta’ Marija ġo Via Latina. Għandu 73 sena u attent ħafna li ma jidħolx fil-politika imma ma jaħsibiex darbtejn biex jitkellem għal dak li hu ġust. Fil-fatt meta dan l-aħħar iżżerżaq genb ta’ muntanja stqarr pubblikament li dak li ġara kien li ġew maqlugħa eluf ta’ siġar u ma ġewx miżrugħa oħrajn ġodda. Gaudencio hu bniedem modest, mhux minn dawk li jgħajjat  biex jitkellem, u ftit ilu ma aċċettax il-Presidenza tal-Konferenza ta’ l-isqfijiet biex  jikkonċentra fuq il-proġett ”Pondo ng Pinoy’  li bih in-nies ġew imħeġġa jfaddlu ċenteżmu kuljum għax hemm apatija kbira fejn għandhom x’jaqsmu l-foqra.

Il-Kardinal Jean-Pierre Ricard,  61 sena, Arċisqof ta’ Bordeaux ġewwa Franza ; bit-titlu ta’ San Wistin. Hu ġie magħżul president tal-Konferenza ta’ l-Isqfijiet Franċiżi ħames snin ilu. Le Monde tħares lejh bħala minn tagħna u miftuħ. Hu ġej mid-djoċesi tan-naħa t’isfel ta’ Marsilja, u hu magħruf li kapaċi janalizza kollox malajr u rikonċiljatur mill-aqwa. Bħala Isqof f’Montpellier ħadem ħafna mal-lajċi, speċjalment fejn jagħtu sehemhom in-nisa. Il-qassisin ta’ Montpellier laqmuh Edredon (kutra kbira mimlija pil) għax fil-preżenza tiegħu, tgħid x’tgħid jew tagħmel x’tagħmel, tħossok milqugħ, komdu bħal wieħed ġewwa kamra sħuna meta barra hemm kesħa tremenda. Ricard hu lest biex  jilqa’ kull sfida kemm soċjali kif ukoll politika. Ħafna jsostnu li s-sensittività tiegħu trawwem fiha meta kien fil-Mali (1964-65) waqt is-servizz nazzjonali. Barra dan il-fatt li kien vigarju ġenerali mal-Kardinal Robert Coffy ta’ Marsilja, prelat klassiku Franċiż...bniedem miftuħ, mexxej intelletwali u li jaf x’tagħti d-dinja moderna, barra li kien kiteb dwar Marx, Kierkegaard, u Teilhard, għen lil Ricard li jsir dak li hu.

Il-Kardinal Antonio Canizares Llovera, Arċisqof ta’ Toledo ġewwa Spanja; bit-titlu ta’ San Pankras. Għad għandu 60 sena u magħdud bħala konservattiv  u jxaqleb lejn il-Kardinal Antonio Rouco Varela ta’ Madrid. It-tnejn ħadmu bis-sħiħ fil-kwistjoni li kien hemm fil-Parlament Spanjol dwar iż-żwieġ bejn l-omosesswali fis-sajf li għadda. Canizares kien wieħed mill-mexxejja reliġjużi mistiedna mill-Unjoni Ewropeja dwar il-kostituzzjoni l-ġdida u hu ħadem bis-sħiħ biex tidħol ir-riferenza lejn Alla, li fl-aħħar mill-aħħar m’għadditx. Hu għandu dottorat fit-teoloġija u fl-1995 ħadem fil-qrib mal-Papa preżenti bħala membru fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

Il-Kardinal Nicholas Cheong Jinsuk, Arċisqof ta’ Seoul, il-Korea; bit-titlu ta’ Marija Immakulata ta’ Lourdes ġewwa Boccea. Għandu 74 sena, imwieled f’familja Kattolika f’Seoul stess u sar qassis fl-1961 wara li kien iggradwa mill-Università Kattolika tal-Korea. Dam 28 sena Isqof ta’ Chongju, fil-provincja t’isfel ta’ Chungchong, qabel ma sar Arcisqof ta’ Seoul fl- 1998. Hu prelat b’manjieri mill-aqwa li mhux biss kien Arċisqof ta’ Seoul imma wkoll Amministrattur Appostoliku tal-Korea ta’ Fuq, naturalment dejjem fuq quddiem biex jeħodha ma’ wieħed  mill-aktar gvernijiet iebsa fid-dinja fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet reliġjużi. Bl-għażla tiegħu ta’ Kardinal hu mistenni li jkun il-pont bejn il-Kora ta’ Fuq u ċ-Ċina. Hu mifhum, li skond il-Gvern Komunist tal-Korea ta’ Fuq, hemm madwar 3000 Kattoliku hemmhekk. Mhiex xi ħaġa kbira li l-Kardinal il-ġdid lest biex anki joħroġ ’l barra miċ-ċirku diplomatiku meta jħoss il-bżonn li jiddefendi t-tagħlim tal-Knisja. Fil-fatt ftit tal-ġimgħat ilu kkritika bl-aħrax r-riċerka  dwar it-tnissil miċ-ċelluli li kien qed jagħmel il-Professur Hwang Woo-suk li dak iż-żmien kellu l-pajjiż kollu warajh għalkemm wara tilef ġieħu mad-dinja kollha.

Il-Kardinal Sean Patrick O’Malley O.F.M. Cap., Arċisqof ta’ Boston fl-Amerika ta’ Fuq; bit-titlu ta’ Santa Maria della Vittoria. Hu għad għandu 61. L-umiltà u s-sempliċità tiegħu, magħġuna fil-vokazzjoni tiegħu ta’ Kapuċċin Franġiskan, ġibdu s-simpatija ta’ kulħadd wara l-inkwiet li kien hemm meta kien irriżenja il-Kardinal Bernard Law. Fl-2003 O’Malley ħadem bis-sħiħ biex intlaħaq il-ftehim dwar il-ħlas ta’ 85miljun dollaru fil-kawżi ta’ aktar minn 500 abbuż sesswali. Għad għandu ferm x’jagħmel peress li għad hemm mal-200 każ ieħor u dan meta r-riżorsi finanzjarji huma ferm diffiċli. Ħafna qed iqiesu li l-għażla tiegħu bħala Kardinal mill-Papa hija bħala turija ta’ fidi f’ħidmietu, ħidma tant iebsa u mbarazzanti.

Il-Kardinal Stanislaw Dziwisz, Arċisqof ta’ Krakow, ġewwa l-Polonja; bit-titlu ta’ Santa Maria del Popolo. Naturalment bosta kienu għajnejhom fuq dan l-Arċisqof ta’ 66 sena waqt il-Konċistorju li sar sebat ijiem qabel ma tfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li tiegħu hu kien is-segretarju privat u l-aktar persuna li kien qrib dan il-Papa tant maħbub. Ġewwa l-Polonja Dziwisz waqqaf relazzjonijiet ferm tajba mas-saċerdoti u barra dan hu meqjus bħala amministratur mill-aqwa...naturalment frott l-esperjenza kbira li kiseb tul il-karriera tiegħu ma’ Ġwanni Pawlu II. Magħruf bħala tradizzjonalist mill-kbar imma fl-istess waqt ċajtier mill-aqwa. Bla dubju ta’ xejn miegħu wieħed iħoss il-wirt ta’ Ġwanni Pawlu II u fl-istess waqt ix-xewqa kbira tiegħu li jara lill-istess Papa fuq l-altari.

Il-Kardinal Carlo Caffara, Arċisqof ta’ Bologna, l-Italja; bit-titlu ta’ San Ġwann il-Battista tal-Florentini. Twieled fl-Ewwel ta’ Ġunju ta’ l-1938 u magħruf mad-dinja kollha bħala ‘ġellied kbir’ fejn  tidħol l-identità tal-Knisja u l-kultura tal-ħajja. Għalkemm id-dottorat tiegħu hu fil-liġi kanonika jinteressa ruħu sew fit-teoloġija morali. Mill-1980 sa’ l-1995 kien President ta’ l-Istitut Pontifiċju Ġwanni Pawlu II għal l-Istudju dwar iż-Żwieġ u l-Familja u waqqaf il-ġurnal Anthropotes fi ħdan l-istess Istitut. Fl-1988 ġie mogħti id-dottorat onorarju mill-Università Franġiskana ta’ Steubenville, ġewwa Ohio, unur li qasmu ma’ Dr. James Dobson fundatur ta’ “Niffukaw fuq il-Familja”. Caffara hu qrib sew il-moviment ‘Comunione e Liberazione’ mwaqqaf minn Fr. Luigi Giussani, li miet is-sena li għaddiet.

Il-Kardinal Joseph Zen Ze-kiun S.D.B., Isqof ta’ Hong Kong, fiċ-Ċina; bit-titlu ta’ Santa Maria Omm ir-Redentur ġewwa Tor Bella Monaca. Hu għażla taħraq politikament, fis-sens li qatt ma ħabbel rasu jiġġieled għad-drittijiet tal-bniedem, għall-ħelsien politiku, u għall-ħelsien reliġjuż ġewwa ċ-Ċina u b’reħet dan kollu xejn m’hu popolari ma’ l-awtoritajiet Ċiniżi. Qatt ma ħasibha darbtejn biex  pubblikament jistqarr li dak li kien ġara f’Misraħ Tiananmen kien żball kbir u talab lill-Gvern Ċiniż jgħid verament x’ġara dak inhar. Dejjem iddefenda it-tamiet tal-poplu ta’ Hong Kong, anzi talab lill-mexxejja t’hemmhekk biex jieħdu ħsieb il-poplu tagħhom u mhux jgħidu dak li jrid Beijing. Zen Ze-kiun hu bniedem ħlejju, umli, moderat u li dejjem stqarr li meta jirtira jixtieq li jew jgħallem ġewwa ċ-Ċina jew imur missjunarju fl-Afrika. Naturalment dawn ix-xewqat jidhru li sfumaw fix-xejn bl-għażla tiegħu bħala Kardinal u bosta jaħsbu li l-Papa ma jilqax ir-riżenja tiegħu f’Jannar tas-sena d-dieħla meta jagħlaq 75 sena.

Il-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI ħabbar li għolla għad-dinjità ta’ Kardinali lil tliet prelati li qabżu t-80 sena bħala turija ta’ ringrazzjament għall-ħidma tagħhom fil-Knisja li qdewha b’fidi kbira u b’dedikazzjoni mill-aqwa. Dawn huma:

Il-Kardinal Andrea Cordero Lanza di Montezemolo, Kappillan tal-Bażilka ta’ San Paolo fuori le Mura; djakonat ta’ Santa Maria in Portico.

Il-Kardinal Peter Poreku Dery, Arċisqof Emeritus ta’ Tamale, ġewwa Ghana; djakonat ta’ Sant’ Elena fuori Porta Prenestina.

Il-Kardinal Albert Vanhoye S.J., li qabel kien Rettur ta’ l-Istitut  Bibliku Pontifiċju u Segretarju tal-Kummissjoni Biblika Pontifiċja; djakonat ta’ Santa Maria tal-Ħniena u San Adrijanu ġewwa Villa Albani.