IL-FENOMENU TAĊ-CHAIN-LETTERS U CHAIN-EMAILS

Komunikat mill-Uffiċċju Stampa tal-Kurja ta’ l-Arċisqof - 26 ta' Mejju 2006

Ikun hemm okkażjonijiet fejn isiru mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-fenomenu taċ-chain-letters u chain-emails. L-Uffiċċju Stampa tal-Kurja ta’ l-Arċisqof jixtieq jiċċara dan li ġej:

Huwa fatt magħruf li f'kull ħin tal-ġurnata miljuni kbar ta' chain-emails jgħaddu min-naħa għalloħra tad-dinja permezz ta' l-Internet. Qabel il-miġja tal-World Wide Web, konna familjari mal-fenomenu taċ-chain-letters. Il-lum dan il-fenomenu sploda bil-faċilita' li jixterdu messaġġi elettroniċi f'tebqa ta' għajn, u mingħajr il-ħtieġa u l-ispejjeż ta' karti, envelopes u ta' posta.

Fost miljuni ta' chain-emails li jduru mad-dinja, hemm għadd ġmielu minnhom li fihom kontenut "reliġjuż". F'każi bħal dawn, min jirċievi l-email huwa mitlub jagħmel xi ħaġa partikulari, kif ukoll li jxerred dak li rċieva ma' għadd ta' persuni oħra, mingħajr ma jaqta' l-katina. Issib kliem ta' din ixxorta: "Din in-novena ma tistax titwaqqaf. Ftakar li din it-talba għandha qawwa kbira. Ibgħatha lil seba' persuni oħra u għarrafni x'ikun ġara fir-raba' jum. Taqtax il-katina. Din it-talba ma tneffqek xejn. Anzi tippremjak".

Il-Knisja dejjem ħeġġet lill-Insara biex iduru lejn Alla fil-ħtiġijiet tagħhom. Il-Knisja wkoll dejjem inkuraġġiet lill-membri tagħha biex jirrikorru għall-interċessjoni tal-qaddisin li jidħlu għalina quddiem Alla. Huwa importanti li meta aħna nitolbu, inżommu quddiem għajnejna li huwa Alla li jmexxi kollox. L-isbaħ atteġġjament fit-talb huwa "Mulej, tkun magħmula r-rieda tiegħek".

Issa dak li fil-fatt jiġri fiċ-chain-letters u fiċ-chain-emails huwa li, forsi mingħajr ma nittendu, inkunu qed nidħlu f'nasba. Għalkemm forsi ma jkollniex intenzjonijiet ħżiena meta naqraw u niċċirkolaw xi chain-email, li jkun qed jigri hu li nikkundizzjonaw lilna nfusna. Nintrabtu ma' wegħdiet umani minflok ma nerħu ruħna għal kollox f'idejn Alla. Inħallu l-biza' jaħkimna jekk niksru l-katina. Nibżgħu li jiġri xi ħaġa lilna jew lill-familja tagħna. F'kelma oħra, inkunu qed inpoġġu xi ħaġa qabel Alla. Inkunu qegħdin ninħakmu minn superstizzjoni. Dan imur kontra l-Ewwel Kmandament, "Ma jkollokx Alla ieħor għajri".

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallimna: "Is-superstizzjoni hi tgħawwiġ tas-sentiment reliġjuż u tad-devozzjonijiet li jiġu minnu. Is-superstizzjoni nistgħu nsibuha wkoll fl-istess kult li nagħtu lil veru Alla, bħalma meta nagħtu importanza kbira qisu għandu xi qawwa maġika lil xi għemil reliġjuż li fih innifsu hu tajjeb u meħtieġ" (para. 2111).

Għalhekk, l-Insara huma mitluba biex jinjoraw kull forma ta' chain-letters u chain-emails. Li wieħed jibla’ l-kontenut tagħhom jew li jxerrdu huwa nuqqas kontra l-Ewwel Kmandament. Alla jmexxi kollox għall-akbar ġid tagħna u żgur li ma jridx jarana kkundizzjonati minn xi messaġġ li jibgħatilna ħaddieħor, anke jekk mibgħut b’intenzjoni tajba jew ma' l-ewwel daqqa ta' għajn dan jidher tajjeb. Alla tagħna huwa Sid il-ħolqien, is-Sid taż-Żmien u ta' l-Istorja, u l-uniku Sid ta' ħajjitna.