Ħal Tarxien u l-Lunzjata

Ħajr lil Joe DeBono

 

 

Impressjoni artistika ta’ l-ewwel knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien

 

L-ewwel ħjiel li għandna s’issa dwar Ħal Tarxien u r-rabta tiegħu mat-Tħabbira tal-Mulej jew, kif nafuha aħna l-Lunzjata, jipprovdhielna Mons Duzzina.  Dan kien mibgħut mill-Papa Girgor XIII biex jagħti rapport dwar l-istat tal-knejjes kollha tal-gżejjer u l-membri tal-kleru.

 

Fit-8 ta’ Frar tas-sena 1575 Monsinjur Duzzina żar Ħal Tarxien.  Huwa rraporta dwar il-Knisja ta’ San Nikola, il-knisja ta’ San Pawl, il-knisja ta’ Santa Marija, il-knisja ta’ San Anard u dik tal-Lunzjata.  Dwar din il-knisja Duzzina jgħid li kienet il-knisja prinċipali (quae est Ecclisia principalis).  Jgħid ukoll li kellha pavement iċċangat, artal u pittura ta’ l-Annunzjazzjoni fuq it-tila.  Kien hemm artal ieħor dedikat lill-Viżitazzjoni. 

 

Duzzina ordna li kellu jsir vintartal għall-artal maġġur kif ukoll salib tal-metal u żewġ gandlieri ta’ l-injam għal fuqu[1].

 

Meta fl-1592  l-Isqof Gargallo waqqaf il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien il-kappella tal-Lunzjata kienet għażla awtomatika biex isservi ta’ knisja parrokkjali.  L-istess Isqof Gargallo nsibuh iżur il-knisja tal-Lunzjata fl-1600.  L-Isqof kien beda l-viżita fit-30 ta’ Novembru.  Żvillup li jsemmi l-Isqof hu li kienu żdiedu żewġ artali ma dawk li semma Duzzina: wieħed dedikat lill-Santu Rokku u ieħor lill-Madonna tar-Rużarju.

 

Dawl ieħor dwar l-ewwel knisja parrokkjali tagħna jagħtihulna l-Isqof Cagliares.  Dan żar Ħal Tarxien fl-1615.  Cagliares jgħid li l-knisja kienet imdaqqsa, kellha żewġ bibien, wieħed iħares lejn nofs inhar u l-ieħor lejn il-punent.  Sa dak iż-żmien kienu żdiedu żewġ artali oħra: wieħed ta’ San Anard u l-ieħor ta’ Sant Agata.  Dettal ieħor irrapurtat minn Cagliares kien li l-artal maġġur kien qiegħed taħt arkata  li fuqha kien hemm imnaqqxa l-arma ta’ l-Isqopf Gargallo.  L-artal maġġur flimkien ma’ dawk tal-Viżitazzjoni  u ta’ Santu Rokku kienu jinsabu fuq presbiterju għola mill-bqija tal-knisja.  F’din il-viżita nsibu wkoll li quddiem il-knisja kien hemm ukoll ċimiterju iżda l-knisja kollha kienet tintuża għad-dfin.  Minn dan it-tagħrif wieħed jikkonkludi li din il-knisja kienet forma ta’ rettanglu bl-artali jmissu mal-ħitan.

 

L-Isqof Cagliares kien ikkumenta li l-knisja ma kienetx biżżejjed biex taqdi l-ħtiġijiet tal-poplu Tarxiniż.  Dan il-kumment kompla ħeġġeġ biex it-Tarxiniżi jagħtu bidu għall-bini ta’ knisja parrokkjali ġdida.[2]

 

 

[1] Aquilina and Fiorini editors - Documents at the Vatican p. 123

2 Borg Vinc – Il-Knisja Parrokkjali ta’ }al Tarxien p 9 et seq.

 

 

 

 

 

 



[1] Aquilina and Fiorini editors - Documents at the Vatican p. 123

[2] Borg Vinc Il-Knisja Parrokkjali ta’ }al Tarxien p 9 et seq.