|
Il-Kardinal ta’ Quebec dwar Benedittu XVI Kitba ta' Harry Agius Ordway
L-ewwel nett ta’ min ifakkar li fil-bidu tal-Konklavi, il-Kardinal, li għad ghandu biss 61 sena, 62 fit-8 ta’ Ġunju li ġej, kien issemma’ bħala papabbli għalkemm il-possibiltà kienet remota. L-Eminenza Tiegħu jitkellem tajjeb bl-Ingliż, bil-Franċiż, bl-Ispanjol, bil-Portugiż, bit-Taljan, u bil-Ġermaniż u hu ta’ kultura kbira. Hu magħruf għax-xogħol missjunarju tiegħu fl-Amerika t’Isfel. Fil-fatt għex u għallem ġewwa Bogotà, il-Kolumbja. Hu kiteb teżi bil-Ġermaniż fuq Hans Urs von Balthasar, teologu magħruf Svizzeru tas-Seklu Għoxrin. Hu magħruf għal l-imħabba kbira li għandu lejn l-Adorazzjoni Ewkaristika u jħobb ħafna il-kant Gregorjan. Fis-sittinijiet kien ħadha qattgħa bla ħabel kontra r- ”Rivoluzzjoni l-Kwieta” ġewwa Quebec, li skond hu, xegħlet ċerta kultura ta’ relattiviżmu. Nies qribu jgħidu li hu dħuli, umli, u flessibbli. Ta’ min jgħid li kien fil-Kurja Rumana bħala Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda Kristjana fl-2001 meta Ġwanni Pawlu II nnifsu kkonsagrah Isqof. Fil-15 ta’ Novembru sar Arċisqof ta’ Quebec u Primat tal-Kanada. Laħaq Kardinal fil-21 ta’ Ottubru 2003. Il-Kardinal Ouellet ilu midħla tal-Papa. Flimkien kienu responsabbli biex waqfu dar ġewwa Ruma, Casa Balthasar, fl-1989 għall-formazzjoni tas-saċerdoti. “Ħafna kienu jiġu bi preġudizzji kbar…imma jinbidlu wara ftit minuti!” kien jgħid. Waqt taħdita ġewwa Montreal dan l-aħħar hu jistqarr li meta daħlu għall-Konklavi kien jaħseb li jekk l-għażla kellha tkun Ratzinger kellhom iħaffu u li tkun għażla ċara…jekk l-affarijiet jieħdu fit-tul… L-għażla ta’ Ratzinger ikkonfermat ħsibijietu. Hu kompla jgħid li ma stenniex li Benedittu kapaċi jaddatta għall-missjoni ġdida tiegħu daqstant. Il-Kardinal Ouellet jgħid li dak li jolqtu l-aktar fil-Papa mhumiex il-kapaċitajiet tiegħu teoloġiċi imma l-fidi tiegħu, l-intelliġenza tiegħu, u l-kuraġġ li jkun xhieda tal-verità. Bħala eżempju l-Eminenza jgħid li hu kien beżgħan li l-ewwel enċiklika tal-Papa tkun aktar dwar kwistjonijiet morali waqt li fl-istess ħin ikun qed isaħħaħ l-awtorità u l-kontroll tiegħu…u dan meta d-dinja ma tantx taċċeta in-normi b’ħeġġa. Madankollu l-mod pożittiv dwar l-imħabba f’Deus Caritas Est wera ċar li l-Q.T. Benedittu XVI għandu kapaċità kbira kif jilħaq lil-lajċi ta’ żmienna. Il-Kardinal kompla bi stqarrija ċara u tonda…l-għażla ta’ Ratzinger bħala Papa kienet providenzjali. Hu jgħid li għall-Ġermanja…tfisser ir-redenzjoni tal-pajjiż, tmiem l-era mid-dwejjaq tat-Tieni Gwerra Dinjija…ħarsa ‘l quddiem ta’ tama u ta’ qawmien spiritwali. L-Eminenza Tiegħu tkellem dwar il-possibiltà ta’ djalogu, bit-tama li jinħoloq mezz serju u sinċier ta’ rikonċiljazzjoni b’riżultat tal-laqgħa li l-Papa kellu fl-24 ta’ Settembru li għadda mar-ribell, it-Teologu Svizzeru Hans Küng. Il-Kardinal Oullet iħoss lil-Papa hu miftuħ għall-modernità imma fl-istess waqt hu magħġun sew fit-tagħlim ta’ Santu Wistin u ta’ Dan Bonaventura u influenzat bis-sħiħ mill-Kattoliċi ‘mdawlin’ bħal John Henry Newman, Henri De Lubac u Hans Urs von Balthasar, f’taħlita ta’ għarfien ta’ żvilupp storiku u konvinzjonijiet metafiżiċi. Il-Kardinal qal li darba kien sema’ lil Ratzinger jippriedka, meta dan kien għadu Arċisqof ta’ Munich bejn l-1977 u 1981, u tant kien impressjona ruħu dwar il-fatt li qatt ma kien joqgħod, kif ngħidu bil-Malti, idur mal-lewża, imma kien ikun ċar u lest għal kull mistoqsija…xi ħaġa li Oullet iqis…li l-Papa kien iħoss il-bżonn tat-Teoloġija biex jitkellem dwar problemi pastorali konkreti. Il-Papa kien wieħed mill-fundaturi, fl-1972, tal-ġurnal teoloġiku internazzjonali Communio, inspirat minn von Balthasar bħala alternattiva konservattiva għall-ġurnal progressiv Concillium. Il-Kardinal Oullet, li kien fil-bord editorjali Amerikan ta’ Communio, jiftakar li waqt laqgħa fl-Università Gregorjana ta’ Ruma, Ratzinger kien ħadha qattgħa bla ħabel mat-tim editorjali għax kien wisq moħħhom fit-teoloġija spekulattiva minn affarijiet relevanti għall-fidi u l-kultura kontemporanja. Hawnhekk il-Kardinal għadda biex faħħar il-preżenza ta’ Ratzinger f’konferenza dwar l-Iskrittura ġewwa New York fl-1988, meta dak li llum hu Papa Benedittu, sfida lill-istudjużi ta’ l-iskrittura biex iżommu t-taħriġ tagħhom skond it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja biex ma jkomplix ikun hemm taħwid f’interpretazzjoni razzjonali ta’ l-iskrittura. Il-Karidnal, hawnhekk, fakkar li Ratzinger kien talbu jorganizza simpożju, fl-1989, dwar skolarxipp Bibliku, u li kien reġa’ sar fl-2002. “Dan id-djalogu għadu sejjer fl-ogħla istituzzjonijiet”, jistqarr il-Kardinal Ouellet, “u dan juri li l-Papa hu bniedem tad-djalogu, bniedem għaref, miftuħ għal kulma jqarreb lejn il-verità.” Wara għadda biex fakkar kif fl-2001 hu inqabad fin-nofs, bejn Ratzinger u l-Kardinal Walter Kasper, Ġermaniż ieħor, dwar kwistjoni teoloġika…dwar ir-relazzjoni bejn il-Knisja lokali u dik Universali bil-Papa jsostni l-priorità ta’ din ta’ l-aħħar. Il-Kardinal Ouellet ifakkar kif it-tnejn, meta hu stess mexxa assemblea plenarja tal-Kunsill, qormu is-sinifikat tal-formola famuża ta’ Vatikan II li l-knisja ta’ Kristu ‘tgħix, teżisti’ fil-Knisja Kattolika. Bħala konsulent tal-Kongregazzjonji għad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal Ouellet fakkar kemm kien jammira il-ħidma ta’ Ratzinger, f’kollaborazzjoni meraviljuża ma’ xi 30 teologu, gruppi ta’ isqfijiet u kardinali..sakemm jasal il-ħin tad-deċiżjoni mill-Papa. L-Eminenza tiegħu żvela li kienet deċiżjoni ta’ Ratzinger biex tneħħew xi elementi dixxiplinarji mill-Enċiklika Ecclesia de Eurcharistia ta’ Ġwanni Pawlu fis-sena 2003 u għaddew f’dokument separat Redemptionis Sacramentum. B’hekk l-Enċiklika ġiet milqugħa aħjar. Il-Kardinal kompla li hu jħoss li għalkemm Benedittu hu aktar miġbud u riservat minn Ġwanni Pawlu II għandu mod kif ikun f’relazzjoni diretta man-nies, mhuwiex sempliċiment intelletwali maqtugħ għalih…u qatt ma kien. Huwa bniedem umli, bniedem tal-Knisja miftuħ għall-poplu. “Jien, kuljum, nirringrazzja ‘l Alla talli rregalalna lil Benedittu XVI” temm it-taħdita tiegħu l-Kardinal Marc Oullet ta’ Quebec, Primat tal-Kanada.
|