JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET - 7 TA’ MEJJU 2006

MESSAĠĠ TAL-PAPA BENEDETTU XVI

IL-VOKAZZJONI TAL-MISTERU TAL-KNISJA

 

Ħuti Venerabbli fl-Episkopat, Ħuti għeżież Irġiel u Nisa,

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġurnata Dinjija ta’ Talb għall-vokazzjonijiet tagħtini l-okkazjoni biex nistieden il-Poplu kollu ta’ Alla biex jimmedita fuq is-suġett: Il-Vokazzjoni fil-misteru tal-Knisja.

L-Appostlu Pawlu jikteb: “Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesu’ Kristu ...għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja ... iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesu’ Kristu” (Ef 1, 3-5). Qabel il-ħolqien tad-dinja, qabel ma aħna ġejna fl-esistenza, il-Missier tas-sema għażilna personalment, biex isejħilna ħalli nidħlu f’rabta ta’ wlied miegħU, permezz ta’ Ġesu’, il-Verb li sar bniedem, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu. Meta miet għalina, Ġesu’ daħħalna fil-misteru ta’ l-imħabba tal-Missier, imħabba li tagħtih kollu kemm hu u hu joffriha lilna lkoll. B’dan il-mod, maqgħudin ma’ Ġesu’, li hu r-Ras, aħna niffurmaw ġisem wieħed, il-Knisja.

Il-piz ta’ żewġ millennji ta’ snin jagħmilha iebsa biex wieħed jagħraf dak li hu ġdid fil-misteru tal-għaġeb li nkunu wlied Alla - din hi l-qalba tat-tagħlim ta’ San Pawl. L-Appostlu jfakkar li l-Missier “għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu ...,il-pjan, jiġifieri, li kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu” (Ef 1, 9-10). U jżid jgħid, mhux mingħajr entusjażmu, “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbiha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa(Rum 8, 28-29).

Il-futur hu tassew tal-għaġeb: aħna msejħin biex ngħixu bħala aħwa ta’ Ġesu’ u li nħossu li aħna wlied l-istess Missier. Dan hu don li jirrivoluzjona kull ideja u pjan li hu biss uman. L-istqarrija tal-vera fidi tiftaħ beraħ l-imħuħ u l-qlub għall-misteru bla qies ta’ Alla li jinfed l-esistenza tal-bniedem. Xi ngħidu għalhekk għat-tentazzjoni, li hija qawwija ħafna llum, li nħossu li m’għandna bżonn ħadd, tant li ningħalqu għall-pjan misterjuż ta’ Alla għalina?

L-imħabba tal-Missier li juri ruħu fil-persuna ta’ Kristu, tagħmlilna ħafna mistoqsijiet. Biex inwieġbu għas-sejħa ta’ Alla u naqbdu t-triq, mhemmx għalfejn li  nkunu diġa’ perfetti. Aħna nafu li malli sar jaf li dineb, l-iben il-ħali qabad it-triq lura u b’hekk ħass il-ferħ tar-rikonċiljazzjoni tiegħu mal-Missier. Id-dgħufijiet u l-limiti umani ma humiex tfixkil, anzi jservu biex aħna nagħrfu l-fatt li għandna bżonn il-grazzja ta’ Kristu li ssalvana. Din hija l-esperjenza li għadda minnha San Pawl meta jistqarr magħna, “Niftaħar minn qalbi l-aktar bid-dgħjufija tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija” (2 Kor 12, 9).

Fil-misteru tal-Knisja, il-Ġisem mistiku ta’ Kristu, il-qawwa divina ta’ l-imħabba tbiddel il-qalb tal-bniedem u tagħmlu kapaci jgħaddi l-imħabba ta’ Alla lil ħutu. Matul is-sekli ħafna rġiel u nisa, mibdulin mill-imħabba divina, ikkonsagraw ħajjithom għall-kawża tas-Saltna. Mill-ewwel, fuq ix-xtajta tal-baħar  tal-Galilija, ħafna ħallew lilhom infushom jiġu mirbuħa minn Ġesu’: kienu qegħdin ifittxu l-fejqan tal-ġisem u ta’ l-ispirtu u messithom l-qawwa tal-grazzja tiegħu. Nies oħra kienu magħżulha minnU personalment u saru l-appostli tiegħu. Insibu wkoll persuni, bħal Marija Maddalena u nisa oħra li mxew warajh minn rgħajjhom, sempliċement għax kienu jħobbuh, imma, bħad-dixxiplu Ġwanni, huma wkoll sabu post speċjali f’qalbu. Dawn l-irġiel u dawn in-nisa li saru jafu permezz ta’ Kristu il-misteru tal-imħabba

tal-Missier, jirrapreżentaw għadd kbir ta’ vokazzjonijiet li minn dejjem kien hemm fil-Knisja. Mudell ta’ min hu msejjaħ biex jixhed b’mod partikulari limħabba ta’ Alla hija Marija, l-Omm ta’ Ġesu’, li , fil-pellegrinaġġ tagħha tal-fidi, kienet direttament imdaħħla fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni. Fi Kristu, Kap tal-Knisja, li hi l-Ġisem tiegħu, l-insara kollha jiffurmaw “ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixandru t-tifħir ta’ dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Pt 2,9). Il-Knisja hija qaddisa, anki jekk il-membri tagħha għandhom bżonn ikunu purifikati, biex il-qdusija, li hija don ta’ Alla, tkun tista’ tiddi fil-milja tagħha. Il-Konċilju Vatikan II juri ċar is-sejħa universali għall-qdusija, u jgħid li “dawk li jimxu wara Kristu, msejħin minn Alla mhux minħabba l-għemejjel tagħhom,imma skond il-pjan u l-grazzja tiegħu u huma ġustifikati mill-Mulej Ġesu’, fi-lmagħmudija tal-fidi kienu magħmula tassew ulied Alla u mogħtija sehem minnatura divina, u għahekk huma tassew qaddisin” (Lumen Gentium).

Fil-kwadru ta’ din is-sejħa universali, Kristu, is-Saċerdot il-Kbir, fl-imħabba tiegħu għall-Knisja jsejjaħ imbagħad, f’kull ġenerazjoni, persuni li jibdew jieħdu ħsieb il-poplu tiegħu; partikolarment, isejjaħ għall-ministeru saċerdotali irġiel li jagħmlu x-xogħol ta’ missier li l-għajn tiegħu qegħda f’Alla l-Missier innifsu (ara Ef 3, 14). Il-missjoni tas-saċerdot fil-Knisja ma tinbdel ma’ xejn. Għalhekk, anki f’dawk il-partijiet tad-dinja fejn ikun hemm nuqqas ta’ kleru, kulħadd jibqa’ ċert li Kristu jibqa’ jqajjem irġiel li, bħall-Appostli, wara li telqu kull xogħol li kellhom, ddedikaw ruħhom kollhom kemm huma biex jiċċelebraw il-misteri qaddisa, jippridkaw il-Vanġelu u jagħmlu l-ministeru pastorali.

Fl-Esortazzjoni Appostolika Pastores dabo vobis, il-Predecessur meqjum tiegħi Ġwanni Pawlu II kiteb hekk fuq dan, “ ir-rabta tas-saċerdot ma’ Ġesu’ Kristu u fih, mal-Knisja, qegħda fil-ħajja stess tas-saċerdot, minħabba il-konsagrazzjoni u d-dilka sagramentali tiegħu u, f’dak li jagħmel, jew inkella fil-missjoni jew il ministeru tiegħu. B’mod partikulari, ‘is-saċerdot ministru huwa qaddej ta’ Kristu preżenti fil-Knisja misteru, komunjoni u missjoni. Minħabba l-fatt li jieħu sehem fid-“dilka” u fil-“missjoni” ta’ Kristu, huwa jista’ ikompli fil-Knisja t-talb tagħha, il-kelma tagħha, is-sagrifiċċju tagħha, il-ħidma tagħha ta’ salvazzjoni. Huwa għalhekk qaddej tal-Knisja misteru għaliex iwettaq is-sinjali tal-Knisja u s-sagramentali tal-presenza ta’ Kristu rxoxt ” (n. 16)

Vokazzjoni oħra speċjali, li għandha post ta’ unur fil-Knisja, hija s-sejħa għall-ħajja konsagrata. Fuq l-esempju ta’ Marija ta’ Betanja, li “niżlet bil-qiegħda f’riġlejn il-Mulej, tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10, 39), ħafna rġiel u nisa kkonsagraw ruħhom biex jimxu bis-sħiħ wara Ġesu’ u warajh biss. Huma, għalkemm ikunu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ servizz fil-qasam tal-iżvilupp tal-bniedem u jieħdu ħsieb il-foqra, fit-tagħlim jew fl-għajnuna lill-morda, ma jqisux dawn l-arrivitajiet bħala l-iskop prinċipali ta’ ħajjithom, għaliex, kif jisħaq il-Kodiċi tad-Dritt Kononiku, “L-ewwel dover partikulari tar-reliġjużi kollha għandu jkun il-kontemplazzjoni tal-veritajiet divini u l-għada dejjiema ma’ Alla fl-orazzjoni” (can.663, $ 1).

U fl-Esortazzjoni Apostolika Vita Consacrata, Ġwanni Pawlu II saħaq, “Fit-tradizzjoni tal-Knisja il-professjoni reliġjuża tiġi meqjusa bħala mezz waħdieni u fertili li bih tista’ tinżel iktar fil-fond tal-konsagrazzjoni li sseħħ fil-Magħmudija; u, permezz ta’ din il-professjoni reliġjuża, l-għaqda intima ma’ Kristu, li diġa’ bdiet fil-Magħmudija, tiżviluppa fid-don ta’ konformazzjoni iktar sħiħa, li turi ruħha u titwettaq permezz tal-professjoni tal-kunsilji evanġeliċi” (n.30).

Fil-waqt li niftakru fir-rakkomandazzjoni li għamlilna Ġesu’, “Il-ħsad huwa kbir iżda l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lill-Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad  tiegħu!” (Mt 9,37), nindunaw b’mod ħaj li hemm bżonn li nitolbu għall-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata. Ma tiskantax li, fejn hemm min jitlob bil-qalb, joktru l-vokazzjonijiet. Il-qdusija tal-Knisja tiddependi essenzjalment mill-għaqda ma’ Kristu u mill-ftuħ tal-qalb għall-grazzja li taħdem fil-qalb ta’ dawk li jemmnu. Għal dan il-għan irrid nistieden lill-insara kollha biex jieħdu ħsieb li jkollhom rabta intima ma’ Kristu, Mgħallem u Ragħaj tal-Poplu tiegħu, u jimitaw lil Marija, li baqgħet tgħozz f’qalbha dawn il-misteri divini u taħseb ħafna fuqhom (ara Lq 2, 19). Flimkien magħha, li għandha post ċentrali fil-misteru tal-Knsija, nitolbu:

Missier, qajjem fost l-insara, ħafna vokazzjonijiet u qaddisa għas-saċerdozju, li jżommu ħajja l-fidi u jieħdu ħsieb it-tifkira għażiża ta’ l-Iben tiegħek Ġesu’ permezz tal-predikazzjoni tal-kelma tiegħu u l-amministrazzjoni tas-Sagramenti, li bihom inti ġġedded kontinwament lil dawk li jemmnu fik. Aħtina ministri qaddisin tal-altar tiegħek, li jieħdu ħsieb bl-attenzjoni u bil-qalb l-Ewkaristija, s-sagrament ta l’ akbar rigal ta’ Kristu għar-redenzjoni tad-dinja. Sejjaħ ministri tal-ħniena tiegħek, li permezz tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, jwasslu l-ferħ tal-maħfra tiegħek lil kulħadd. Agħmel, Missier, li l-Knisja tilqa’ bil-ferħ dawk-il ħafna ispirazzjonijiet ta’ l-Ispirtu ta’ l-Iben tiegħek u, doċli għat-taglim tiegħu, tieħu ħsieb il-vokazzjonijiet għall-ministeru saċerdotali u għall-ħajja konsagrata. Agħti l-għajnuna lill-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni, lil dawk li huma kkonsagrati u lill-imgħammdin fi Kristu, sabiex iwettqu bil-fedelta’ il-missjoni tagħhom għas-serrvizz tal-Vanġelu. Dan nitolbuhulek permezz ta’ Kristu l-Mulej tagħna. Amen.

Marija, Reġina tal-Appostli, itlob għalina.

Mill-Vatikan, 5 ta’ Marzu 2006.

Benedittu PP XVI