|

|
Il-ħaddiema
fl-għalqa tad-dwieli.
(Mt 20:1-16)
Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu
kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu
tad-dwieli. Ftiehem ma' xi ħaddiema b'dinar kull jum u bagħathom l-għalqa.
Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla
xogħol, u qalilhom, 'Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun
ħaqqkom.' U marru. Raġa' ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi
d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa'
ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, 'Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu
ma tagħmlu xejn?' Qalulu, 'Għax ħadd ma qabbadna.' Qalilhom,'Morru intom
ukoll l-għalqa.' Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur
tiegħu, 'Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u
spiċċa b'dawk ta' l-ewwel.' Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il
siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta' l-ewwel, u stennew li kienu se
jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu
qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu, 'Dawn ta' l-aħħar siegħa waħda
għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!'
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, 'Ħabib, minn xejn ma nqastek jien;
mhux b'dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta' l-aħħar
irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi
jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?' Hekk ta' l-aħħar jiġu
l-ewwel, u ta' l-ewwel jiġu l-aħħar.
|