|
Il-parabbola taż-żerriegħ (Mt 13:4-9) (Din il-parabbola qegħda wkoll f'Mark 4:3-9 u f'Luqa 8:5-8)
Ġesù qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f'art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma'!̏
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ (Mt 13:18-23) (Din is-silta qegħda wkoll f’Mark 4:13-20 u f’Luqa 8:11-15)
̋Mela isimgħuha intom il-parabbola ta' dak li ħareġ jiżra'.Kull min jisma' l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera' f'qalbu: dan huwa dak li nżera' mal-mogħdija. Dak li nżera' f'art kollha blat huwa dak li jisma' l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera' qalb ix-xewk huwa dak li jisma' l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta' l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera' f'art tajba huwa dak li jisma' l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.̏
|