Kurja Furjana, 4 Mar 2005: “Wieħed mis-sinjali l-kbar li juru li l-bniedem ikun jitbiegħed minn Alla huwa meta l-bniedem jibda jaħseb li l-kejl ta’ x’inhu tajjeb jew le għalih innifsu qiegħed biss f’idejh u jiddeċiedi dwaru hu stess.”

Hekk kiteb l-Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-Pastorali tar-Randan ta’ din is-sena. Taħt it-titolu ta’ “Lura F’Dar il-Misser”, l-Arċisqof qal li fil-bidu tar-Randan Imqaddes, tkun ħaġa tajba u f’waqtha jekk, bħala individwi u bħala komunità nieqfu nirriflettu ftit fuq x’irridu nagħmlu biex dan iż-żmien speċjali fil-ħajja ta’ l-Insara ma jiġix u jmur mingħajr ma jħallilna frott spiritwali kotran f’ħajjitna.

Fuq tixbiħa tal-parabbola ta’ l-Iben il-ħali (Luqa 15:11-32), Monsinjur Mercieca qal li Alla jibqa’ jistedinna u jħeġġiġna biex nirritornaw għandu ħalli jkun jista’ jilqagħna u jħaddanna miegħu.  Il-qawwa tal-maħfra miksuba mis-sagriffiċcju ta’ Kristu tista’ tiġi limitata biss min-naħa tal-bniedem.  Dan jiġri jekk fil-bniedem ma jkunx hemm rieda tajba, u  ħeġga għall-konverżjoni u għall-indiema.

Il-bniedem huwa msejjaħ ukoll biex huwa wkoll juri ħniena ma’ l-oħrajn. Hekk ngħidu kull meta nitolbu l-Missierna, ‘aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.’

L-Arċisqof temm jgħid li “Alla, Missierna, qed jistenniena niltaqgħu miegħu, sogħbiena għan-nuqqasijiet tagħna, biex permezz ta’ Ibnu li ġie biex jifdina, jagħmilna nies ġodda, ħbieb ma’ Alla u ma’ xulxin.”

Ara l-Pastorali Sħiħa

Ara l-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għar-Randan 2006