|

|
L-EWWEL QARI
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
2 Sam 5, 1-3
F’dak iż-żmien: Ġew it-tribu’ kollha ta’ Israel għand David
f’Ħebron u qalulu: “Hawn aħna! Għadmek u laħmek aħna. Fl-imgħoddi,
meta kien għadu sultan fuqna Sawl, int kont toħroġ u ddaħħal
lil Israel. Il-Mulej kien qallek, ‘Inti għad tirgħa l-poplu
tiegħi Israel, int tkun prinċep fuq Israel!’’
U ġew ix-xjuħ kollha għand is-sultan f’Ħebron, u s-sultan
David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej, u huma
dilku lil David sultan fuq Israel.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 121
Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.
Fraħt meta qaluli:
“Immorru f’dar il-Mulej!’’
Diġa’ qegħdin riġlejna
fi bwiebek Ġerusalem.
R/. Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Ġerusalem, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda!
Lejha t-tribu’ jitilgħu,
it-tribu’ tal-Mulej.
R/. Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.
Hemm skond il-liġi ta’ Israel,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet ta’ dar David.
R/. Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.
Kol 1, 12-20
Ħuti: Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li
tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu
ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu
l-għażiż, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet. Hu
x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq
kollha; għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art, dak
kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx, troni u ħakmiet,
prinċipati u setgħat. Kollox bih u għalih kien maħluq, hu
qabel kollox, u kollox fih qiegħed iżomm. Hu r-Ras tal-Ġisem,
li hu l-Knisja; hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox. Fih għoġobha tgħammar
il-milja kollha tad-divinita’, bih Alla għoġbu jerga’
jħabbeb kollox miegħu, u bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’Isem il-Mulej!
Imbierka s-saltna ta’ David missierna li ġejja!
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.
Lq 23, 35-43
F’dak iż-żmien: Il-kapijiet bdew igħajbu lil Ġesu’ u jgħidu:
“Salva oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk inhuwa hu l-Messija
ta’ Alla, il-maħtur tiegħu!’’
Is-suldati wkoll bdew igħadduh biż-żufjett; u resqu lejh
newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud,
salva lilek innifsek!’’ In-naħa ta’ fuq rasu kien hemm ukoll
kitba li kienet tgħid, “Dan is-sultan tal-Lhud!’’
Wieħed mill-ħżiena li kienu mdendla beda jgħajru u jgħidlu:
“Int mintix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.’’ Imma
qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’,
int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta,
tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna;
imma dan ma għamel xejn ħażin.’’ Imbagħad qal: “Ġesu’,
ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek.’’ U hu wieġbu:
“Tassew, ngħidlek, illum tkun miegħi fil-Ġenna.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.
|