|

|
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. - 1Slat 8, 41-43
F’dak iż-żmien: Salamun talab fit-tempju u qal: “Il-barrani
wkoll, dak li mhuwiex mill-poplu tiegħek Israel, jekk jiġi
minn art imbiegħda minħabba f’ismek, -- għax huma jisimgħu
bl-isem kbir tiegħek, jisimgħu bl-id qawwija u d-driegħ
mifrux tiegħek -- jekk jiġi jitolbok f’dan it-tempju, int
agħtih widen mis-smewwiet fejn tgħammar, u agħmel dak kollu
li għalih il-barrani jiġi jsejjaħlek, biex il-popli kollha
ta’ l-art jagħarfu ismek u jkollhom il-biża’ tiegħek,
bħall-poplu tiegħek Israel. u jkunu jafu li ismek hu msejjaħ
fuq dan it-tempju, li jiena bnejt.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 116
Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba
Faħħru ‘l-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh, popli kollha
Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina
il-fedelta’ tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba
IT-TIENI QARI
Bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
- Gal 1, 1-2, 6-10
Jiena, Pawlu, appostlu imsejjaħ mhux mill-bnedmin, anqas
permezz ta’ bniedem, iżda b’Ġesu’ Kristu u Alla l-Missier li
qajmu mill-imwiet, u l-aħwa kollha li hawn miegħi,
lill-Knejjes li hemm fil-Galazja.
Nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħidtu minn min
sejħilkom fil-grazzja ta’ Kristu, u dortu lejn evanġelju
ieħor -- mhux għax hemm xi evanġelju ieħor, imma xi wħud
qegħdin iħawdukom u jridu jaqilbu l-Evanġelju ta’ Kristu.
Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema iħabbrilkom
evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun
misħut! Bħalma diġa’ għidnielkom, u ntenni ngħidilkom issa,
jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li diġa’
rċejvejtu, ikun misħut!
Forsi jiena qiegħed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew
Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont
għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun
qaddej ta’ Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fehimni Mulej biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa - Lq 7, 1-10
F’dak iż-żmien: Kif Ġesu’ temm kull ma kellu jgħid lin-nies,
daħal Kafarnahum. U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej,
għażiż ħafna għalih, u dan kien marid u wasal biex imut.
Iċ-ċenturjun sema’ b’Ġesu u bagħatlu xi xjuħ mil-Lhud biex
jitolbu jiġi jsalvalu l-qaddej. Dawk marru quddiem Ġesu’ u
bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Tkun ħaġa xierqa
jekk tagħmillu dan li qiegħed jitolbok, għax hu jġħożż
il-ġens tagħna u kien hu li bnielna s-sinagoga.’’
Ġesu’ mar magħhom: imma meta kien ġa wasal mhux ‘il bogħod
mid-dar, iċ-ċenturjun bagħat igħidlu ma’ xi ħbieb tiegħu:
“Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li
tidħol taħt is-saqaf tiegħi: għalhekk ukoll anqas ħassejt
ruħi jistħoqqli li niġi jiena stess insibek; Iżda agħti
ordni, ħalli l-qaddej tiegħi ifiq. Għax ukoll jiena bniedem
taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena nnifsi għandi suldati
taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’ u jmur; lill-ieħor ngħidlu,
‘Ejja’ u jiġi; u lill-ilsir ngħidlu, ‘Agħmel dan’ u jagħmlu.’’
Ġesu’ baqa’ mistagħġeb meta sema’ dan; dar lejn dawk li
kienu mexjin warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas
f’Israel ma sibt fidi bħal din.’’ Meta dawk li kienu
mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu. |