|
QAWMIEN MILL-IMWIET
Il-qawmien ta' Ġesł mill-imwiet skond San Mattew [Mt:28:1] Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta' Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.[Mt:28:2] U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha.[Mt:28:3] Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ.[Mt:28:4] Bil-biża' tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin.[Mt:28:5] Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: "Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesł li kien imsallab.[Mt:28:6] M'huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed.[Mt:28:7] U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom."[Mt:28:8] Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża' u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu.[Mt:28:9] U ara, ltaqa' magħhom Ġesł u qalilhom: "Is-sliem għalikom." Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu.[Mt:28:10] Mbagħad Ġesł qalilhom: "Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk."
L-għases jagħtu l-aħbar tal-ġrajja [Mt:28:11] Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta' kull ma kien ġara.[Mt:28:12] Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha[Mt:28:13] u qalulhom: "Għidu hekk, 'Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.'[Mt:28:14] U jekk il-gvernatur jisma' b'dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet."[Mt:28:15] Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata ta' llum.
Il-qawmien ta' Ġesł mill-imwiet skond San Mark [Mk:16:1] Meta għadda s-Sibt, Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom.[Mk:16:2] U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.[Mk:16:3] U bdew jgħidu lil xulxin: "Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?"[Mk:16:4] Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna.[Mk:16:5] Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu.[Mk:16:6] Imma hu qalilhom: "Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesł ta' Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m'huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh.[Mk:16:7] Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom."[Mk:16:8] U huma ħarġu 'l barra u tbiegħdu b'ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża'. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.
Ġesł jidher lil Marija ta' Magdala [Mk:16:9] Wara li qam mill-mewt fil-għodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesł deher l-ewwel lil Marija ta' Magdala, li minnha kien keċċa seba' xjaten.[Mk:16:10] Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku.[Mk:16:11] Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.
Ġesł jidher lil żewġ dixxipli [Mk:16:12] Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba'.[Mk:16:13] U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.
Il-qawmien ta' Ġesł mill-imwiet skond san Luqa [Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.[Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,[Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesł ma sabuhx hemm.[Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.[Lq:24:5] In-nisa, mimlijin bil-biża' , baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?[Lq:24:6] M'huwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,[Lq:24:7] meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet."[Lq:24:8] U huma ftakru kliemu.[Lq:24:9] Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.[Lq:24:10] Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli.[Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx.[Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.
Il-qawmien ta' Ġesł mill-imwiet skond San Ġwann [Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.[Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesł, u qaltilhom: "Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh?"[Ġw:20:3] Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.[Ġw:20:4] It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.[Ġw:20:5] Tbaxxa, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.[Ġw:20:6] Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm,[Ġw:20:7] u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f'post għalih.[Ġw:20:8] Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.[Ġw:20:9] Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.[Ġw:20:10] Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.
Ġesł jidher lil Marija ta' Magdala [Ġw:20:11] Iżda Marija baqgħet 'il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar,[Ġw:20:12] u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta' Ġesł.[Ġw:20:13] Huma qalulha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki?" Hi wieġbet: "Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh."[Ġw:20:14] Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesł wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesł.[Ġw:20:15] Ġesł qalilha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?" Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: "Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura."[Ġw:20:16] Ġesł sejjħilha: "Marjam?" Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri Mgħallem.[Ġw:20:17] Ġesł qalilha: "La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla' għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom."[Ġw:20:18] Marija ta' Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: "Rajt lill-Mule?", u qaltilhom x'qalilha.
Ġesł jidher lid-dixxipli tiegħu
[Ġw:20:19] Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesł u qagħad f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem għalikom?"[Ġw:20:20] Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.[Ġw:20:21] Mbagħad Ġesł tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom."[Ġw:20:22] Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu s-Santu.[Ġw:20:23] Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."
Ġesł u Tumas
[Ġw:20:24] Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesł.[Ġw:20:25] Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu qalilhom: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx."[Ġw:20:26] Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesł daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem għalikom?"[Ġw:20:27] Mbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen."[Ġw:20:28] Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi?"[Ġw:20:29] Qallu Ġesł: "Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu."
|