SAN DUMINKU U R-RUŻARJU
L-istorja tar-Rużarju tmur lura lejn it-tnax
il-seklu u hi marbuta ma’ San Duminku. Duminku Gużman twieled fis-sena 1170 ġo Kalaroga,
f’Kastilja (Spanja). Kien żmien
meta l-Islam kien xtered mal-Meditterran kollu, il-knejjjes insara bdew
jinbidlu f’Moskej u bosta reġjuni ta’ Spanja spiċċaw taħt
il-ħakma tal-Mori.
Ta’ 24 sena Duminku kien ordnat saċerdot.
Ta’ 33 sena ġie f’kuntatt ma’ l-ereżija
ta’ l-Albiġensi, li kienet qegħda tħalli ħsara
kbira. Dawn kienu jemmnu li
l-adulterju, il-fornikazzjoni u s-suwiċidju huma tajba, anzi ta’ min
ifaħħarhom. La kienu jemmnu
fil-ġenna u lanqas fl-infern. Għalihom ma kienet hemm l-ebda kodiċi
ta’ liġi morali.
Duminku dar minn post għall-ieħor
jippriedka kontra dan it-tagħlim żbaljat. Kien fuq kollox jitlob kontinwament biex il-Mulej
jagħtih arma kontra dawn l-ereżiji. Kien hawn li skond l-istorja, Marija tagħtu
r-Rużarju.
Minn żmien San Duminku sal-lum il-Madonna
stess diversi drabi dehret li xi persuni f’partijiet differenti tad-dinja u
talbithom biex jgħidu r-Rużarju u jxerrdu d-devozjoni tiegħu
mal-oħrajn.
Spiss inqisuh bħala talba lill-Madonna. Iżda t-talb tagħna għandu
jkun dejjem indirizzat lill-Missier, permezz ta’ l-Iben u bl-għajnuna
ta’ l-Ispirtu s-Santu. B’hekk it-talb
tagħna jkollu dimensjoni Trinitarja.
Allura fejn tidħol il-Madonna? Minflok inħarsu lejn ir-Rużarju
u ngħiduh bħala talba lill-Marija, ikun ħafna aħjar
jekk inqisuh bħala talba ma’ Marija. Għaliex waqt ir-Rużarju hija wkoll titlob magħna
kif fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kienet titlob ma’ l-Appostli u ma’
l-ewwel insara. Naqraw fl-Atti tal-Appostli;
“U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm
Gesú u ma’ ħutu (qrabatu).”
(Att 1:14) |