|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia TIBŻAX, BISS INTI EMMEN. |
|
|
Sena B - IT-TLETTAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA
F’dak iż-żmien: Wara li Ġesu’ reġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor,
waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie
wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet
f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja
qiegħed idek fuqha, ħalli tfiq u tgħix’’. U Ġesu’ telaq miegħu, b’kotra
kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
|
Ejja qiegħed idek fuqha, ħalli tfiq u tgħix – Fit-Testment il-Qadim kien meqjus li meta persuna tqiegħed idejha fuq persuna oħra, dan kienet tagħmlu biex tagħti l-ispirtu tagħha lil dik il-persuna. Jekk il-persuna li qed twettaq ir-rit jkun fiha spirtu tajjeb, allura l-oħra tirċievi spirtu tajjeb. Jekk l-ewwel persuna jkollha fiha spirtu ħażin, allura t-tieni waħda tirċievi wkoll spirtu ħażin. Ġesù kien spiss iqiegħed idejħ fuq persuni morda u dawn kienu jfiequ. “Ressqulu quddiemu xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom.” (Mt 19:13) Ġo Nażaret huwa qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom. (Mk 6:5) L-istess għamel ma’ l-għama ta’ Betsajda (Mk 8:23), mal-folla ta’ morda li nġabru ħdejn id-dar ta’ Xmun Pietru f’Kafarnaum (Lq 4:40), mal-mara mfejqa f’jum is-Sibt (Lq 13:13) u ma tant u tant oħrajn. Wara Ġesù, l-Appostli kienu jagħmlu l-istess, imma l-Ispirtu li kienu jagħtu huma ma kienx dak tagħhom imma l-Ispirtu ta’ Kristu, għaliex dak li kienu jwettqu kienu jagħmluh f’isem Ġesù. Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, u l-Ispirtu tiegħu huwa l-Ispirtu s-Santu – id-Difensur, l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, li jfejjaq, li jagħti l-kliem u s-smiegħ, li jaħfer. Meta jqiegħed idejh fuqhom Ġesù kien jgħaddilhom l-ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu. Kien dan li jfejjaqhom. Imma bla fidi dan ma kienx ikun possibli, lanqas għall-Ġesù nnifsu – l-istess kif darba kien ġara f’Nażaret. Imma Ġajru wera l-fidi tiegħu f’Ġesù. “Ejja qiegħed idek fuqha, ħalli tfiq u tgħix.” U jiena? Għandi fidi, imqar daqs dik ta’ Ġajru? Lili Ġesù mhux biss iqiegħed idejh fuqi, imma jidħol fija permezz ta’ l-Ewkaristija. Nemmen jew ma nemminx?
Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu, inkun imfejqa – Anke din il-mara uriet fidi kbra; forsi akbar minn dik ta’ Ġajru. Għaliha, li sempliċi tmiss mal-mantar tiegħu kien ikun biżżejjed. Bosta kienu qed imissu miegħu, imma mhux bħala. Hi kellha l-fidi. Kienet ċerta li se tkun imfejqa, anke jekk Ġesú ma jindunax li messitu. Imma Ġesú induna. Induna mhux biss li messet miegħu, kif kienu qed imissu l-oħrajn kollha, iżda induna wkoll bil-fidi li kellha għax intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu. Il-qawwa ta’ l-Ispirtu, li anke mingħajr it-tqegħid ta’ l-idejn, jgħaddi l-istess. Basta jkun hemm il-fidi. “Binti,’’ qalilha, “il-fidi tiegħek fejqitek.”
Tibżax, biss inti emmen – Nistħajjel lil Ġajru jgħidlu, “Nemmen, iva! Imma kif jista’ jkun ma nibżax? Binti mejta u inti qed tgħidli tibżax!” Iva, il-biża spiss timblokka l-fidi. Il-biża spiss hija sinjal ta’ nuqqas ta’ fidi. Lill-appostli, li kienu miegħu fuq id-dgħajsa waqt il-maltemp, ċanfarhom, “Dal-biża kollu għalfejn? Mela m’għandkomx fidi?” Iżda l-messaġġ ta’ Ġesú ma kienx għal Ġajru biss għax jiena wkoll nibża. Nibża ħafna. Nibża dwar dak li ġara fl-imgħoddi. Nibża dwar dak li qed jiġri llum. Nibża anke dwar x’jista’ jiġri fil-futur. U għalhekk lili wkoll, nistħajjel lil Ġesú qed jgħidli, “Dal-biża kollu għalfejn? Mela m’għandekx fidi?” Jiena nisrani. Ngħid li nemmen. Imma, tgħid tassew għandi fidi?
Ara wkoll - Mixja ta' Fidi mis-Segretarjat għall-Katekeżi >>>
|