|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. BEDA JIBGĦATHOM TNEJN TNEJN. |
|
|
Sena B - IL-ĦMISTAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA
L-1 QARI
|
Is-silta tal-lum tiġi immedjatament wara ċ-ċaħda ta’ Ġesù f’Nazaret. Fl-Evanġelju ta’ San Mark insibu sikwit espressjonijiet li juru bidu ġdid. San Mark jurina li wara kull insuċċess, Ġesù kellu l-qawwa jibda mill-ġdid u jdaħħal il-proġett tiegħu f’fażi ġdida. Iżjed kmieni fl-Evanġelju, Ġesù kien mar id-dar u qrabatu marru biex iżommuh, għax qalu li tilef moħhu, il-Kittieba qalu li fih xitan, u ommu u ħutu baqgħu barra u bagħtu jsejħulu (Mk 3,20-35). Immedjatement wara dan ir-rakkont San Mark jgħidilna li Ġesù reġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar... U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli (Mk 4,1- 2). Din id-darba, wara li ġie miċħud f’pajjiżu (l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda), Ġesù sejjaħ ħdejh it-Tnax u beda jibgħathom tnejn tnejn, uffiċjalment, biex iwettqu fil-prattika l-missjoni li fdalhom. 1. Is-Sejħa L-Evanġelju ta’ Mark kien wisq probabbli l-ewwel katekiżmu nisrani għall-użu tal-katekumeni, dawk li jitħejjew għall-magħmudija. Bil-qari u bil-meditazzjoni ta’ dan l-Evanġelju fil-Komunità, li dak iż-żmien kienet tkun magħmla minn adulti, kienu jiskopru min hu Ġesù u xi tfisser tkun Nisrani. Iżda mhux biss: Ta’ edukatur tajjeb li kien, Ġesù ma kienx biss jgħallem lid-dixxipli, imma ried li jkollhom ukoll l-opportunità li huma stess jitgħallmu bil-prattika, billi jmiddu jdejhom u jieħdu sehem fil-missjoni tiegħu. “Is-sejħa” għad-dixxipulat hija dejjem marbuta mal-“missjoni” (ara t-Tieni Qari). Fis-sejħa ta’ l-ewwel dixxipli, Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1,17). Fit-tieni sejħa, “għażel tnax biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw” (Mk 3,14). Din id-darba, “sejjaħ ħdejh it-Tnax u beda jibgħathom tnejn tnejn” (6,7). Huma se jitgħallmu min hu Ġesù u min hu n-Nisrani fil-prattika billi jagħtu xiehda u billi jġarrbu l-konflitti li kemm Ġesù u kemm il-Komunità Nisranija jaffaċċjaw tul it-triq. U hekk ix-xandir tal-Bxara t-Tajba tas-Saltna jibda mill-ġdid permezz tagħhom. 2. Il-Kundizzjonijiet Il-missjoni tad-dixxipli mhix differenti mill-missjoni ta’ Ġesù. Huwa għalhekk li se jkollhom bżonn li jibqgħu ħdejh, magħqudin miegħu fl-istess missjoni u fl-istess proġett ta’ ħelsien tal-bnedmin. Għalhekk, biex iwettqu l-missjoni tagħhom tajjeb, se jkun meħtieġ li l-Insara dixxipli ta’ Ġesù jgħixu l-istess sura ta’ ħajja li għex Ġesù, jidħlu f’mixja ta’ konverżjoni u josservaw ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt il-kundizzjonijiet li jagħtihom Ġesù huma aktar marbutin mal-mod kif iwettqu l-missjoni milli mal-kontenut tagħha, iżjed mal-kif milli mal-xiex. 1. Trid lesti ruħek għal “ġurnata” twila ta’ mixi u għalhekk aħseb għall-ħatar u l-qrieq. It-triq tal-missjoni se tieħu fit-tul. 2. Trid tinħall minn kull ħaġa li tista’ tgħaddi mingħajrha, ħieles bħalma kien ħieles Ġesù, minn dak kollu li jfixklu u jtaqqlu, mistrieħ biss fuq il-qawwa tal-Missier u tal-Evanġelju: Wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom, la ħobż, la ħorġa u anqas flus fi ħżiemhom - “U xxiddux żewġ ilbiesi”. 3. Biżżejjed għalik li tiġi milqugħ minn xi ħadd. Ix-xogħol biex tinbena l-Komunità Nisranija jaf jieħu żmien twil. Hawn L-Evanġelista qed jikteb mill-esperjenza tal-komunitajiet ta’ żmienu: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk”. 4. Kun lest għaċ-ċaħdiet u l-konflitti. Bħal ma ġara fi żmien Ġesù, hekk jiġri fi żmien il-missjoni tad-dixxipli tiegħu. Se jkun hemm min jirreżistihom, min ma jilqagħhomx u min jibqa’ indifferenti: “U jekk f’xi post ma jilqgħukomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xiehda kontrihom”. Kienet l-użanza tal-Lhud: li meta jiġu biex joħorġu minn art pagana, jfarfru l-qorq mit-trab tal-artijiet tal-pagani. Hekk id-dixxipli għandhom ikunu ħielsa mit-tip ta’ ħajja ta’ dawk li jwarrbu l-Evanġelju u jagħtu xiehda li l-Kelma ta’ Alla mhux tort tagħhom li ma tagħtix frott f’dan it-tip ta’ art. 3. Il-Missjoni Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu. Id-dixxipli jmorru jagħmlu dak li kienu tgħallmu minn Ġesù: iġibu fix-xejn dak li jnissel il-mewt, il-jasar u l-oppressjoni, u hekk jiżirgħu u juru “s-sinjali” tat-tiġdid frott tas-Saltna ta’ Alla. Fil-ħidma tad-dixxipli l-Evanġelju jirrepeti dak li Ġesù nnifsu kien għamel fil-bidu tal-Bxara t-Tajba. Ix-xandir tad-dixxipli huwa l-istess bħal dak ta’ Ġesù, il-bżonn ta’ bidla fil-mod kif il-bnedmin jgħixu, il-ħtieġa ta’ konverżjoni: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1,15). L-istess sinjali jsieħbu x-xandir tagħhom bħal ma ssieħbu fix-xandir ta’ Ġesù: Keċċew bosta xjaten u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom. L-ewwel miraklu ta’ Ġesùfl-Evanġelju ta’ San Mark kien it-tkeċċijja tal-ispirtu mniġġes u n-nies qalu, “X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa?” (Mk 1,21-28). Issa l-istess “setgħa” Ġesù jgħaddiha lid-dixxipli tiegħu. Permezz tagħhom u ta’ dawk li jiġu warajhom, Ġesù jkompli l-missjoni tiegħu f’kull żmien u f’kull pajjiż. Hija missjoni ta’ ħelsien u ta’ fejqan. Id-dixxipli ta’ Ġesù f’kull żmien huma msejħin u mibgħutin biex jeħilsu l-bnedmin minn dak li jfixkilhom li jgħixu flimkien kemm fil-Komunità Nisranija u kemm fil-komunità tal-bnedmin. U biex jagħtu lil kull bniedem u bniedma l-possibbiltà li jgħixu ħajja ġdida, il-ħajja vera, fil-milja tagħha. L-Evanġelju għal ħajjitna llum. 1. “Ġesù kien ibierek lit-tfal, imma kien isejjaħ u jħarreġ lill-adulti. Is-sejħa ma kenitx biss biex wieħed jisimgħu jew biss biex isir jaf bis-Saltna. Kienet biex timxi warajh u twettaq dak li hu kien iwettaq: tieħu ħsieb il-morda, tagħti t-tama lil min jinsab fid-dwejjaq, taqsam il-ħobż ma’ min hu bil-ġuħ, taħfer, tkeċċi kull xorta ta’ ħażen, tilqa’ lil min hu mkeċċi, tagħraf lil Alla bħala missier, tgħix bħal aħwa.” 2. L-Insara kollha huma msejħin jieħdu sehem f’din il-missjoni. Mhux biss is-saċerdoti u r-reliġjużi, imma anki l-lajċi huma msejħa jxandru l-Bxara t-Tajba. U dan jagħmluh mhux bħala piż ġdid max-xogħol tagħhom ta’ kuljum, imma bil-ferħ u bil-ħeġġa ta’ min għandu ideal u missjoni. Meta jaraw il-ferħ ta’ l-Insara, in-nies jittieħdu minnhom. Iżda biex ix-xogħol ikun effettiv, irridu nagħmluh “tnejn tnejn”, jiġifieri billi nagħtu xiehda ta’ mħabba u għaqda. U nagħmluh fil-post fejn ngħixu: fil-post tax-xogħol, qalb il-ħbieb u fil-familja. “Jekk ma tafx tippriedka bħal Pietru, jekk ma tafx tippriedka bħal Pawlu, mur f’darek u għid lill-ġirien: Ġesu Ïmiet għal kulħadd!” 3. Ġesù seta’ jagħti l-ħelsien għax hu kien għal kollox ħieles, xejn ma seta’ jxekklu milli jagħmel ir-rieda u l-proġett tal-Missieru. Seta’ jagħti l-fejqan u jagħti ħajja ġdida għax hu l-Ħajja. Seta’ jxandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna ta’ Alla għax fih dehret is-Saltna ta’ Alla. Għalhekk lilna ma jsejħilniex sempliċiment biex “nagħmlu” xi ħaġa. Biex “nagħmlu”, irridu “nkunu”: Inkunu “ħdejh”, “tnejn tnejn”, “nibqgħu miegħu” (Mk 6,7; 3,14). Mistoqsijiet 1. L-Evanġelju jkellimna fuq il-missjoni profetika ta’ Ġesù u ta’ l-Insara. Kif inkomplu l-missjoni ta’ Ġesù llum? Tista’ tkun Nisrani u ma jimpurtakx mill-missjoni tan-Nisrani ? 2. X’inhu “l-mard” li jaħkem il-ħajja tal-bnedmin tal-lum? X’fejqan jissuġġerixxi l-Evanġelju ta’ Ġesù? 3. Il-komunitajiet tagħna qed inisslu għaqda u solidarjetà bejnietna (“tnejn tnejn”) jew ninsabu maħkumin minn firdiet u rivalitajiet li jisfiguraw il-Knisja ta’ Ġesù?
|