|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. L-Għerf ta’ Alla deher fil-Ħajja ta’ Ġesù. |
||
|
Sena B - L-GĦOXRIN ĦADD MATUL IS-SENA L-Ewwel Qari: Prov 9, 1-6: L-Għerf ta’ Alla jmantni lill-bnedmin bħall-ħobż u l-inbid. It-Tieni Qari: Ef. 5, 15-20: L-Għerf ta’ Alla jrid jidher f’ħajjitna. L-Evanġelju: Ġw 6, 51-58 : L-Għerf ta’ Alla fil-ħajja ta’ Ġesù jsir ħobż għal ħajjitna.
L-1 QARI -
Prov 9, 1-6
|
Il-Ħadd li għadda qrajna l-ewwel parti tad-Diskors dwar il-Ħobż tal-Ħajja. Ġesù stqarr li huwa “l-ħobż li niżel mis-sema”. Xebbah lilu nnifsu mal-manna, “ir-rigal ta’ Alla” fil-mixja tal-poplu fid-deżert. Fit-tieni parti tad-diskors, dik li se naqraw illum, Ġesù jimxi pass ’il quddiem u jistqarr ċar u tond li “l-ħobż mis-sema” huwa “l-ġisem” tiegħu, il-ħajja tiegħu mogħtija għall-ħajja tad-dinja. Għal din l-istqarrija, il-Lhud ma qablux bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù, min-naħa tiegħu, baqa’ jinsisti: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” Id-diskussjoni fost il-Lhud tixhed il-mistoqsijiet u s-suspetti tal-Lhud u l-pagani dwar l-Insara fl-ewwel żminijiet. Mill-bidunett, sa minn żmien l-appostli, l-Insara kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija. Kienu jsejħulha “l-qsim tal-ħobż” (ara Lq 24,35; Atti 2, 42-47); u “l-ħobż” kien il-Ġisem ta’ Kristu (ara I Kor 10). Issa, f’kultura Griega, in-nies setgħu faċli jħalltu dan ir-rit mar-ritwali maġiċi tar-reliġjonijiet pagani. F’Ruma kienet ġriet saħansitra x-xniegħa li l-Insara jiltaqgħu fil-moħbi, joqtlu t-trabi u jikluhom! Barra minn dan, kemm il-Lhud u kemm il-pagani, ma setgħux jifhmu kif komunità ta’ nies jiltaqgħu biex jiċċelebraw b’ferħ u entużjażmu l-mewt ta’ dak li jsejħulu l-Mulej u l-Imgħallem tagħhom. F’din il-parti tad-Diskors, l-Evanġelju jwieġeb għal dawn id-diffikultajiet. San Ġwann jgħidilna li l-Lhud ma fehmux id-diskors ta’ Ġesù. Iżda l-Insara li minnhom ħareġ l-Evanġelju mhux biss fehmuh, imma wkoll kienu jiċċelebrawh, “bi qlub ferħana u safja” (Atti 4,46). 1.“Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Id-Diskors fih bosta allużjonijiet għall-Eżodu. F’din il-parti, Ġesù jgħaddi mit-tixbiha tal-manna għas-simbolu tal-Ħaruf tal-Għid. L-Evanġelju ta’ San Ġwann iqiegħed il-ġrajja kollha tad-diskors “qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud” (Ġw 6,4), meta l-Lhud kienu jiċċelebraw l-Eżodu bl-Ikla tal-Ħaruf. Kull familja kienet toqtol il-ħaruf b’sagrifiċċju lejlet il-festa, u jikluh flimkien b’radd il-ħajr fl-Ikla tal-Għid. Il-ħaruf kien ifakkarhom fid-demm li dilku bih l-għetiebi ta’ djarhom biex jinħelsu mill-qerda tal-mewt. Il-ħaruf ġie maqtul biex “jagħti l-ħajja” lill-poplu. Għalhekk għal-Lhud, l-Ikla tal-Ħaruf hija ċ-ċelebrazzjoni kull sena tal-ħelsien u ta’ l-identità tagħhom bħala poplu. Fil-ħajja u fil-mewt ta’ Ġesù is-simbolu tal-ħaruf sar realtà. Ġesù huwa l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja (Ġw 1,29). F’ħajtu u f’mewtu huwa ta lilu nnifsu biex jeħles lill-bnedmin kollha mill-jasar tad-dnub. Biex iwettaq il-missjoni li tah il-Missier, Ġesù kellu jiffaċċja l-inġustizzja u l-vjolenza ta’ dawk li rrifjutaw il-proġett ta’ ħajtu u qatluh. Iżda Ġesù għeleb il-mewt u issa qed jgħix u jaħdem fost dawk li jemmnu fih u jimxu warajh: “Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 26,20). Dan hu li l-Komunità Nisranija tiċċelebra f’kull Ewkaristija: “Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul Nagħmlu festa mela, mhux bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1 Kor 5,7-8). 2.“Għax ġismi huwa ikel tassew, u demmi huwa xorb tassew. Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih.” L-Ewkaristija hija l-Ikla tal-Għid tagħna. Fiha aħna niċċelebraw l-Eżodu ta’ Ġesù mill-mewt għall-ħajja. U niċċelebraw ukoll l-Eżodu tagħna mill-jasar tad-dnub għall-ħajja ġdida ta’ wlied Alla. “Il-ġisem” fil-kultura Lhudija kien ifisser il-persuna ħajja tal-bniedem. “F’ġismu” Ġesù sar il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja (ara Ġw 1,29). “Tiekol il-Ġisem ta’ Ġesù u tixrob demmu” ifisser li taċċettah fl-umanità tiegħu u tassimila dik il-ħajja ta’ mħabba li għex matul ħajtu kollha fil-ġisem sat-tixrid ta’ demmu fuq is-salib. Hija din l-imħabba li teħlisna minn kull jasar u tagħmilna l-poplu l-ġdid ta’ Alla. Hekk iseħħ fina l-Eżodu l-ġdid, il-mixja lejn il-vera ħajja, li tibda minn din l-art qabel ma ssir ħajja definittiva fil-ħajja ta’ dejjem. Mill-bidunett, il-preżenza ta’ Ġesù f’nofs il-Komunità tal-Insara kienet għajn ta’ ħajja u mħabba għal dawk “jintmantnu” bil-ħajja tiegħu. 3. “Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili hu wkoll jgħix bija.” L-Ewwel Qari tal-lum ikellimna dwar l-Għerf ta’ Alla, l-għerf li jurina l- l-verità dwar il-ħajja: L-Għerf jagħmel ikla, li għaliha jistieden lill-bnedmin bil-għatx għall- ħajja u l-imħabba. Għall-Insara, l-Għerf dwar il-ħajja mhuwiex xi verità astratta, imma huwa l-ħajja fl-Ispirtu ta’ Ġesù: Il-ħajja tagħmel sens meta tingħata bħalma taha Ġesù. Għalhekk, il-ħajja u l-imħabba li Ġesù jagħtina fl-Ewkaristija ma nistgħux inżommuhom magħluqin ġo fina. L-imħabba tal-Missier, li dehret fil-Bniedem Ġesù trid tkompli turi ruħha bl-għotja tagħna nfusna lil ħutna l-bnedmin. Fl-Ewkaristija, il-Missier jafdalna l-istess missjoni li ta lil Ibnu Ġesù. U dan ma jseħħx b’miraklu, imma bl-impenn ta’ kull wieħed u waħda minna kuljum: “Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili hu wkoll jgħix bija.” It-“tqarbin” bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jrid ikompli bl-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn. L-“Amen” li ngħidu fit-tqarbin irid jissarraf f’impenn biex ħajjitna ta’ kuljum nagħmluha tassew dejjem iżjed tixbah il-ħajja ta’ Ġesù - impenjati kif kien impenjat hu, fil-bini ta’ soċjeta’ ġdida ta’ ġustizzja, solidarjetà u mħabba, is-Saltna ta’ Alla. L-Evanġelju għal ħajjitna llum. 1. Il-messaġġ ċentrali ta’ l-Evanġelju tal-lum huwa l-għotja tagħna nfusna. Aħna li nitmantnu bil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù għandna nsiru aħna stess “ikel għall-oħrajn”. Bħal Ġesù, id-dixxiplu tiegħu jrid iqis lilu nnifsu bħala ħobż li jrid jinqasam u jitqassam għall-ħajja tad-dinja. Anki meta jagħmel il-ġid u jagħti minn tiegħu, id-dixxiplu ta’ Ġesù jrid “iqassam il-ħobż” daqslikieku qiegħed iqassam lilu nnifsu: bla ebda interess egositiku, ma jistenniex ħlas, u ma jaqtax qalbu fit-tiġrib u l-persekuzzjoni. Dak biss li bħal Ġesù jinfatam mill-ġid ta’ l-art u ma jibżax jitlef lilu nnifsu biex “jingħata” għall-oħrajn, isir kapaċi jsib għal kollox lilu nnifsu u jgħix il-ħajja vera. Din hi l-liġi ta’ l-umanità l-ġdida, u għalhekk ta’ kull Komunità Nisranija, li Ġesù waqqaf b’ħajtu u bit-tixrid ta’ demmu. 2. Id-demm ta’ Kristu huwa s-sinjal tat-tbatija li ġarrab u l-hemm li ltaqa’ miegħu biex iwettaq sa l-aħħar il-missjoni ta’ ħajtu. Min-naħa l-oħra, l-inbid fl-Iskrittura huwa sinjal ta’ ferħ. L-Ewkaristija tagħtina l-ferħ li jġarrab min bħal Kristu jingħata għall-oħrajn, anki jekk ikollu jgħaddi mit-tbatija u l-hemm. Dawk li jieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-Mulej “jifdu ż-żmien”, ma jħallux l-istorja tkun biss egoiżmi, dnub u mewt bla tama, għax jagħrfu t-tifsira tal-ħajja vera, dik mimlija bl-Ispirtu ta’ Kristu (ara t-Tieni Qari). 3. Il-preżenza ta’ Ġesù fl-ewwel komunitajiet ta’ l-Insara ħelset lil dawk li ħajjithom kienet imfixkla u mtaqqla bir-reliġjon tal-Kittieba u l-Fariżej, reliġjon ta’ kmandamenti u preċetti, imma mejta mill-imħabba, reliġjon li ma tentużjażmax il-qalb u ma tiftaħhiex lejn perspettivi ġodda fil-proġett ta’ Ġesu. Ħelset ukoll lil dawk li kienu ġew mir-reliġjonijiet strambi pagani ta’ żmienhom. U trid teħles lilna wkoll mill-aljenazzjonijiet, l-ideoloġiji u l-jasar ta’ żmienna, u timpenjana fil-bini ta’ soċjetà ta’ mħabba u solidarjetà, li d-dinja ta’ żmienna tant għandha bżonn.
|
|