Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

L-Inkarnazzjoni u l-Ewkaristija “jfixkluna”?

Sena B -

IL-WIEĦED U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA 

L-Ewwel Qari: Ġoż 24,1-2.15-17: Ħielsa u ferħana naqdu lil veru Alla. 

It-Tieni Qari: Ef 5, 21-32: Il-qima lil Ġesù tidher fil-qadi ta’ xulxin.

L-Evanġelju: Ġw 6,60-69 : Ninqatgħu mid-dinja jew “ninkarnaw’ biex nagħtu lilna nfusna?

L-1 QARI - Ġoż 24, 1-2a.15-17.18b
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè.
 
F’dak iż-żmien: Ġożwè ġema’ t-tribu kollha ta’ Iżrael f’Sikem. U sejjaħ lix-xjuħ ta’ Iżrael, il-kapijiet, l-imħallfin u l-kmandanti tal-poplu. U huma nġabru quddiem Alla. Imbagħad Ġożwè kellem lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu ’l-Mulej, agħżlu llum lil min tridu taqdu: jekk hux ’l-allat li kienu jaqdu missirijietkom ’l hinn mix-xmara, jew ’l allat ta’ l-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jiena u dari naqdu ’l-Mulej.”
U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu ’l Mulej biex naqdu allat oħra. Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li tella’ lilna u lil missirijietna mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawk il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom għaddejna. Għalhekk aħna wkoll naqdu ’l-Mulej, għaliex hu Alla tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 33
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.


Kull ħin inbierek ’il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti,
u widnejh għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej kontra l-ħżiena,
biex iħassar
minn fuq l-art tifkirithom.  R/.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom,
u mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk li qalbhom maqsuma,
isalva lil dawk ta’ ruħhom mgħaffġa. R/.

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha ħelsu l-Mulej;
għadmu kollu jħarsilu,
u ma titkissirlu ebda waħda. R/.

Il-ħażen lill-ħażin jeqred;
u min jobgħod ’il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux ħtija xi jħallas. R/.

IT-2 QARI - Ef 5, 21-32
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.
 
Ħuti: Oqogħodu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu: in-nisa għal żwieġhom, bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu r-ras ta’ martu bħalma Kristu hu r-ras tal-Knisja, hu s-Salvatur tal-Ġisem tiegħu. Imma bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu f’kollox għal żwieġhom.
Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, bħalma Kristu wkoll ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex iqaddisha billi jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-Kelma, u hekk ikun jista’ jressaqha quddiemu din il-Knisja sabiħa, bla ebda tebgħa jew tikmixa u b’xejn minn dan, biex tkun qaddisa u mingħajr għajb.
Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma kellu mibgħeda lejn il-ġisem tiegħu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.
Għalhekk ir-raġel iħalli ’l missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.
Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Ħajjarli qalbi, o Alla, għat-twissijiet tiegħek,
il-liġi tiegħek fi tjubitek agħtini.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Ġw 6, 60-69
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
 
F’dak iż-żmien: Meta Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja, ħafna mid-dixxipli tiegħu, kif semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jista’ jisimgħu?” Ġesù, billi għaraf fih innifsu illi d-dixxipli kienu qegħdin igergru fuq dan, qalilhom: “Dan qiegħed ifixkilkom? Mela kienu kellkom taraw ’il Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel! Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jien għidtilkom huwa spirtu u huwa ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux. – Għax Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kien sejjer jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għidtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jkunx mogħti lilu mill-Missier.”
Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. U aħna nemmnu u nafu li inti l-Qaddis ta’ Alla.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

MISTOQSIJIET

1. Nistgħu nieklu l-ħobż li hu Ġesu’, bla ma “nieklu” wkoll il-proġett ta’ ħajtu?

2. X’nifhmu meta fl-Ewkaristija ngħidu li Ġesù huwa “l-ħobż tas-salvazzjoni”   tal-bnedmin? Kif aħna nistgħu nsiru wkoll “ħobż tas-salvazzjoni” għall-oħrajn?

3. X’rabta hemm bejn il-Ħobż Ewkaristiku u l-ħobż meħtieġ biex ixxebba’ lill-foqra tad-dinja?

 

Fl-ewwel parti tad-Diskors dwar il-Ħobż tal-Ħajja, Ġesù qal lill-poplu li huwa “l-ħobż li niżel mis-sema”: Bil-miġja tiegħu fostna fl-Inkarnazzjoni, huwa wettaq il-missjoni li tah il-Missier. Fit-tieni parti tad-diskors, Ġesù qal lil-Lhud li l-Ħobż huwa Ġismu għall-ħajja tad-dinja. Bl-Ewkaristija, li tmantni lill-bnedmin bil-preżenza u bil-ħajja tiegħu, huwa jkompli l-missjoni tiegħu fid-dinja matul iż-żminijiet.

Fit-tielet parti, dik li se nagħmlu llum, Ġesù jaffaċċja lid-dixxipli tiegħu biex jieħdu pożizzjoni. L-Inkarnazzjoni u l-Ewkaristija ma jistgħux iħalluna indifferenti. Lesti li l-għażliet li għamel Ġesù fl-Inkarnazzjoni u fl-Ewkaristija nagħmluhom tagħna, jew irridu nimxu bil-kriterji tad-dinja? Lesti li nħallu l-Kelma u l-eżempju tiegħu jmantnuna jew ninsistu li nimxu għal rasna?

Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna, kif l-Evanġelju jiddeskrivi n-nies differenti li kellu quddiemu Ġesù f’kull waħda mit-tliet partijiet tad-diskors. Fl-ewwel parti, kienu “in-nies - in-naħa l-oħra tal-baħar”; fit-tieni parti kienu “l-Lhud”, u Ġesù kien jinsab “jgħallem fis-sinagoga f’Kafarnahum”. Issa, f’din l-aħħar parti, Ġesù qed jitkellem mad-“dixxipli tiegħu”, jiġifieri magħna lkoll, in-nies tal-Komunità tiegħu.

1. “Iebes dan id-diskors. Min jista’ jifilħu?” - “Tridux tmorru intom ukoll?”

Ġesù fl-Inkarnazzjoni “ħa l-ġisem”; fl-Ewkaristija,il-ġisem” isir “ħobż mogħti u demm li jixxerred”. “Tiekol minn dan il-Ħobż” ifisser  tassimila u tagħmel tiegħek il-misteru tal-Inkarnazzjoni u l-Ewkaristija, billi bħal Ġesù, “tinkarna” int ukoll biex ssir “ħobż li jittiekel mill-bnedmin”. Il-ħobż ma jeżistix għalih innifsu, imma biex jittiekel u jagħti l-ħajja lil min hu bil-ġuħ. Hekk għamel Ġesù. U hekk jistenna li jkunu d-dixxipli tiegħu. Għalih m’hemmx triq tan-nofs: Jew naċċettawh u bħalu nsiru “ħobż li jitqassam”, jew nitfixklu  bih, nitilquh u nfixklu lill-oħrajn.  

Dan kien kliem “iebes wisq” għas-semmiegħa ta’ Ġesù. U minn dak inhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.” L-Ewkaristija u l-Inkarnazzjoni jqiegħdu lill-bniedem quddiem deċiżjoni. U hawn jibdew il-kriżijiet u l-abbandun.

Jidher li f’din il-parti tad-Diskors, San Ġwann kellu f’moħħu s-sitwazzjoni fil-Komunità tiegħu. Fil-Komunità ta’ Ġwanni wkoll kien hemm xi wħud li ħasbu li tista’ tkun Nisrani, tgħid li tħobb u tagħti qima lil Alla, mingħajr ma “tinkarna” u “tagħti lilek innifsek” lill-oħrajn. Għalihom, u għalina, San Ġwann ħass li għandu jikteb l-Ewwel Ittra tiegħu. Ta’ min jaqraha sħiħa mill-bidu sa l-aħħar wara s-silta tal-Evanġelju tal-lum.

2. “Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn.

L-Ispirtu ta’ Alla huwa mħabba. L-Ispirtu jsawwab l-imħabba ta’ Alla fi qlubna L-Ispirtu ta’ Ġesù, juri lid-dixxipli li l-ħajja trid “titqassam”. Min iħobb bl-imħabba ta’ Alla jaf li l-ħajja ma tagħmilx sens jekk ma ssirx ħobż, “mogħti” u “maqsum” mal-oħrajn. U meta l-ħajja tagħraf “taqsamha”, saħansitra l-mewt issir l-aqwa espressjoni ta’ l-imħabba, l-għotja tal-ħajja.

Min-naħa l-oħra, “il-ġisem” hawn ifisser il-bniedem li jippretendi li hu suffiċċjenti għalih in-nifsu, u ma joqgħodx għall-Ispirtu ta’ Alla. Dan it-tip ta’ bniedem ma jifhimx kif, u mhux kapaċi jsir, ħobż għall-oħrajn. Ġesù kellu jistqarr: “Hawn xi wħud fostkom li ma jemmnux.” San Ġwann jispjega: “Għax kien jaf Ġesù mill-bidu min kienu dawk li ma jemmnux, u min kien se jittradih.”  Ġuda, dak li ttradixxa lil Ġesù, jirrappreżenta lil kull bniedem li ma jifhimx il-ħajja bħala offerta għall-oħrajn. Minflok ta ħajtu, għażel li jagħti għall-mewt lil ħabibu.

Fil-fatt Ġuda, u min hu bħalu, ikun għażel il-mewt, anki jekk jibqgħu ħajjin. Għax il-ħajja ssir mewt jekk ma tagħtihiex: “Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. . .  Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (ara 1Ġw 3,13-18).

3. “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jkunx mogħti lilu mill-Missier.”

Permezz tal-Evanġelju sirna nafu li l-Missier ħalla kollox f’idejn Ġesù (Ġw 6,37); u li hu permezz ta’ Ġesù li l-Missier jiġbed lejh lill-bnedmin (Ġw 6,44). Għalhekk, biex jingħaqdu mal-Missier, il-bnedmin iridu jersqu lejn Ġesù (Ġw 6,45). Għal din ir-raġuni Ġesù, aktar ’il quddiem, jgħidilna: “Jien hu t-Triq, il-Veritàu l-Ħajja.” (Ġw 14,6).

Ġesu’ huwa t-triq lejn il-vera ħajja, il-ħajja li Alla jrid għal kulħadd. M’hemmx triq oħra: Jew naġixxu bħal Ġesù, u hekk naslu sal-Missier tal-ħajja; jew inħallu lil Ġesu’ u nxaqilbu lejn il-proġett li jġib il-mewt. Għal Ġesù m’hemmx triq tan-nofs. Għalhekk il-kelma tiegħu ħafna sabuha iebsa, u ħafna mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.

Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux tmorru intom ukoll?” . Xmun Pietru wieġeb f’isem il-grupp: “Mulej għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” Pietru jitkellem fil-plural f’isem kulħadd. Hija t-tweġiba ta’ dawk, li f’kull post u f’kull żmien, jagħrfu li ma hemmx triq oħra jekk mhux dik ta’ Ġesù - li sar bniedem fostna, ħobż għall-ħajja tal-bniedem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”. “L-espressjoni “il-Qaddis ta’ Alla” tfakkar fit-Tieni Salm (2, 2.7), salm messjaniku li jitkellem minn Sultan Messija li hu fl-istess ħin Iben ta’ Alla. Ġesù huwa dan is-Sultan Messija, ikkonsagrat lil Alla. Tistqarru bħala l-Qaddis ta’ Alla jfisser li  tagħraf li ma hemmx triq oħra ħlief tiegħu. “Temmen u tagħraf” lilu jfisser li tqiegħed il-fiduċja kollha fih, timxi warajh fit-triq u fil-ħajja tiegħu, u timpenja ruħek biex twettaq dak li wettaq hu.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. L-appostli għamlu għażla ċara għal Ġesù u għall-proġett ta’ ħajtu: “Mulej għand min immorru. Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” Aħna għamilnieha din l-għażla tagħna favur Ġesù u l-Evanġelju tiegħu? Kif qed tidher f’ħajjitna? (Ara wkoll t-Tieni Qari tal-lum).  

Fl-Inkarnazzjoni, il-Kelma ta’ Alla ħadet il-ġisem u għammret fostna. M’hux biss saret bniedem, imma għammret fostna, saret parti mill-istorja tagħna bnedmin. Fl-Ewkaristija, il-Ġisem ta’ Kristu jsir “ħobż mogħti u demm imxerred” għall-ħajja tad-dinja.

San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum jagħti mod konkret kif dan l-ideal għandhom jgħixuh il-miżżewġin Insara, billi jħobbu lil xulxin “bħalma Kristu wkoll ħabb il-Knisja tiegħu u ta lilu nnifsu għaliha”. Dak li jgħid San Pawl dwar il-ħajja bejn il-miżżewġin jgħodd ukoll għall-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù fl-ambjenti kollha tal-ħajja.

2. Minn dawk li jimxu warajh u jilqgħuh f’ħajjithom Ġesù jistenna li jkunu huma wkoll “inkarnati” u “mogħtija” . Ma talabx biex jitwarrbu mid-dinja imma biss biex il-Missier iħarishom mill-Ħażin u biex iqaddishom fil-verità (ara Ġw 17, 9-26). Il-qdusija vera ma taqtax lill-bniedem minn ħutu l-bnedmin; iżda bil-maqlub, tagħmlu “ħobż li jinqasam” u “demm li jixtered” fuq l-eżempju ta’ Ġesù. 

U Komunità Nisranija li kapaċi torganizza Liturġija mill-isbaħ, imma li ma tinteressax ruħha u ma timpenjax ruħha biex ittejjeb l-ambjent, il-ħajja u r-relazzjonijiet  tal-bnedmin, hija komunità li qed tonqos serjament mill-missjoni tagħha.

3. Ġesù, jistenna mid-dixxipli tiegħu li  jkunu bnedmin “umani” fis-sens kollu tal-kelma. Li jkunu mħarrġin fl-iskola ta’ “l-umanità” tiegħu: attenti għal dak li jiġri madwarhom; iqisuh fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla; jiġbdu l-attenzjoni dwar il-ħtiġijiet u d-drittijiet ta’ min m’għandux vuċi; u jagħtu sehemhom biex  l-ebda “umanità” ma tiġi nieqsa mill-attenzjoni u mill-imħabba li jixirqilha.