Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

"Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieh"

Sena B -

IT-TNEJN U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA 

L-Ewwel Qari: Dt 4, 1-2.6-8: Liġijiet hekk sewwa li jbiddlu d-dinja.

It-Tieni Qari: Ġak 1,17-18.21-27: Il-vera reliġjon.

L-Evanġelju: Mk 7,1-8.14-15.21-23 : Il-moralità l-ġdida ta’ Ġesù.

 

 

L-1 QARI - Dewt 4, 1-2.6-8
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.
 
Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu ħalli tgħixu u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom.
La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u anqas tnaqqsu minnu: qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej Alla tagħkom bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus, li kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu, ‘M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir’. Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu ’l allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna kull x’ħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-Liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 14
Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?


Min jimxi bla ħtija u jagħmel is-sewwa,
min jgħid is-sewwa f’qalbu,
min ma jqassasx bi lsienu.
Min ma jagħmilx deni lil għajru,
anqas ma jgħajjar il-proxxmu tiegħu;
min xejn ma jqis lill-bniedem imwarrab,
imma jweġġah ’il dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

Min, jekk jaħlef lil għajru, ma jerġax lura minn kelmtu,
min flusu ma jislifhomx bl-imgħax,
min ma jiħux rigali kontra l-innoċenti.
Min jagħmel dan ma jitħarrek qatt. R/.

IT-2 QARI - Ġak 1, 17-18.21-22.27
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.
 
Għeżież: Kull ħaġa tajba li tingħata u kull għotja perfetta tiġi minn fuq, nieżla mingħand il-Missier tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wellidna bil-kelma tas-sewwa, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom irwieħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom innifiskom. Quddiem Alla, li hu wkoll Missier, it-tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Għax ried hu, il-Missier wellidna bil-kelma tas-sewwa,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 7, 1-8.14-15.21-23
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.
 
F’dak iż-żmien: il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhux indaf, jiġifieri, b’idejhom m’humiex maħsulin. – Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; hekk wkoll, wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta tradizzjonijiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. - Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan għaliex id-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom m’humiex indaf? Iżda hu weġibhom” Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħal ma hu miktub, ‘Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieh, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtini; jgħallmu duttrina li mhix għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin.”
Reġa’ sejjaħ in-nies ħdejh u qalilhom: “Isimgħuni intom ilkoll, u ifhmuni. M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dan hu li jtebba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena: żina, serq, qtil, adulterji, rebgħa, ħżunija, qerq, faħx, għejra, dagħa, kburija, bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

MISTOQSIJIET

1.Fiex tikkonsisti l-vera adorazzjoni ta’ Alla, il-vera reliġjon? F’li nosservaw xi preċetti u liġijiet reliġjużi,  jew f’li nagħmlu r-rieda ta’ Alla kif fissirhielna Ġesù?

2. X’valur għandha reliġjon mingħajr il-prattika ta’ l-imħabba u tal-ġustizzja?

3.X’effett għandu jkollu għalhekk is-sehem tagħna fiċ-ċelebrazzjoniet liturġiċi, speċjalment il-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd?

 

Nerġgħu naqbdu l-mixja ma’ l-Evanġelju ta’ San Mark. Iżjed ma nimxu ’l quddiem ma’ dan l-Evanġelju, iżjed nidħlu fil-fond fil-mistoqsija “Min hu Ġesù?”. U ngħaddu dejjem iżjed biex inwieġbu għall-mistoqsija l-oħra marbuta magħha: “Kif inkunu dixxipli tiegħu?”

X’aktarx li l-Evanġelju ta’ San Mark kien l-ewwel katekiżmu tal-Komunità Nisranija fit-tħejjija tal-katekumeni għall-Magħmudija. Mill-katekeżi ta’ San Mark ħarġu l-ewwel martri tal-Knisja. San Mark jippreżentalna lil Ġesù bħala l-Bniedem Perfett, ħieles minn kull ħaġa li tagħmluinqas bniedem.. Ir-rabta tiegħu mal-Missier għamlet minnu bniedem sħiħ. U hekk riedhom ikunu d-dixxipli tiegħu.

Għalhekk il-preżenza tiegħu, l-imġiba tiegħu u l-kliem tiegħu huma Bxara Tajba għal dawk kollha li jħossuhom imxekklin minn irbit ma’ drawwiet, kulturi,  taboos u aljenazzjonijiet li jfixklu l-mixja tal-bniedem. Id-dixxipli ta’ Ġesù kienu josservaw l-imġiba tiegħu “kontra l-kurrent”,  u ma damux ma “ttieħdu” minnu. Għalhekk ma setax jonqos li huma wkoll, bħal Ġesù, jiġbdu fuqhom l-attenzjoni tal-Kittieba u l-Fariżej.

1. “Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla, biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin.”

Fil-ħruġ tal-poplu ta’ Iżrael mill-Eġittu, Alla kien ta l-Għaxar TwissijietÏ (il-Kmandamenti) lill-MoseÏ bħala liġijiet ta’ ħajja u libertà. Il-poplu ta’ Alla, kellu jkun poplu ġdid, mudell biex il-popli kollha jagħrfu jgħixu kuntenti flimkien bħala wlied Alla.

Iżda maż-żmien, bl-interpretazzjonijiet u l-fissazzjonijiet tal-Kittieba u l-Fariżej, l-Għaxar Twissijiet kienu saru mijiet. Flok ħelsu lill-poplu, kienu spiċċaw biex ijassruh f’morsa ta’ kwantità kbira tal-liġijiet mhux miktuba, li kienu jgħadduhom minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm, “it-tradizzjonijiet”. Il-poplu komuni ma setax la jiftakar u lanqas josserva dawn il-liġijiet kollha. U għalhekk il-Kittieba u l-Fariżej kienu jqisuh injurant u impur, misħut minn Alla (ara Ġw 7,49).

Għall-Kittieba u l-Fariżej, Lhudi tajjeb kellu josserva kemm “it-Torah”, il-Liġi ta’ Alla kif tinsab fl-ewwel ħames kotba tat-Testment il-Qadim, u kemm it-tradizzjonijiet. Għalihom, it-tnejn  kellhom l-istess valur u t-tnejn kienu ġejjin minn Alla; min jipprova jibdel xi waħda minnhom ikun qed jeħodha kontra Alla jew  jagħmel lilu nnifsu daqs Alla; ikun ħaqqu l-kundanna tal-mewt. Għalhekk, f’’moħħhom kienu ġa  kkundannaw lil Ġesù għall-mewt.

Mit-ton tal-Evanġelju tal-lum jidher li l-Kittieba u l-Fariżej bagħtu delegazzjoni minn Ġerusalemm, speċi ta’ investigazzjoni uffiċjali. Għandna nifhmu li kellhom warajhom “is-Sanhedrin”, it-tribunal tal-Qassisin il-Kbar, bis-setgħa li jikkundanna lil Ġesù għall-mewt. Iċ-ċirku beda jingħalaq madwar Ġesù u l-grupp tiegħu. “Il-Fariżej u xi wħud mill-Kittieba nġabbru ħdejn Ġesù” u qagħdu josservawh. Imbagħada bdew l-interrogazzjoni: “Dan għaliex id-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjonijiet ta’ missirjiethom, imma jieklu b’idejhom mhux indaf?” 

San Mark jispjega l-mistoqsija għal dawk il-qarrejja li ma kinux Lhud. IL-kwistjoni kienet dwar il-ħasil ritwali tal-Lhud. Fil-ktieb tal-Levitiku nsibu regola ta’ iġjene li kienet saret liġi morali: “Wieħed li jmiss xi ħaġa mniġġsa. . .  li jista’ jitniġġes biha, bla ma jintebaħ, malli jsir jaf jaqa’ fil-ħtija” (Lev 15, 1-2).  Fi żmien Ġesù, kull oġġett li jinxtara mis-suq kellu jinħasel minħabba s-suspett li seta’ ntmiss minn xi ħadd ritwalment “imniġġes”. Skond l-investigaturi tiegħu, Ġesù, bħala Rabbi (Mgħallem), kellu jara li d-dixxipli  kellhom  “jinħaslu” qabel jibdew jieklu!

2. “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.”

It-tweġiba ta’ Ġesù turi li s-safa jew in-nuqqas ta’ safa ma jiddependux mill-osservanza ta’ tradizzjonijiet ritwali, imma “minn ġewwa”, mill-qalb tal-bniedem. Ġesù qed jikkwota mill-ktieb tal-profeta Iżaija (29,13). Permezz tal-profeta, Alla joħloq kuntrast bejn “ix-xofftejn”  u “l-qalb”. Il-qima mogħtija lil Alla mhix kwistjoni ta’ kliem u ftaħir, imma ta’ pratika u mġiba li jagħtu xiehda tal-verità ta’ Alla.

Ġesù sejjaħ lill-Kittieba u l-Fariżej ipokriti, għax l-imġiba tagħhom ma kinitx ġejja “mill-qalb”, imma biex jidhru tajbin quddiem il-bnedmin. “Ipokrita” hija kelma Griega li tfisser wieħed liebes il-maskra, kif kienu jkunu l-atturi fit-teatru antik tal-Griegi. Attur anki llum, jagħmilha ta’ xi ħadd, imma fir-realtà hu xi ħadd ieħor. Hekk hu l-bniedem li jaħseb li jibżà minn Alla, forsi wkoll skrupluż fl-osservanza tal-liġijiet, imma li f’qalbu m’għandux imħabba, iżomm il-ħażen, il-mibegħda jew l-inġustizzja lejn ħutu l-bnedmin.

Reġa’ sejjaħ in-nies ħdejh. Ġesù jsejjaħ il-folla biex tersaq qrib tiegħu. Lill-ewwel dixxipli kien sejħilhom biex jersqu lejh u “jibqgħu miegħu, u biex jibgħathom jippridkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3,13-14). Dak li se jgħid se jkun   “tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa” (Mk 1,27). Huwa l-qofol tat-tiġdid fil-ħajja u l-imġiba konkreta tad-dixxipli tiegħu, imsejħin biex “ikeċċu x-xjaten” u jġibu t-tiġdid fis-soċjetà ta’ kull żmien.

“Isimgħuni intom ilkoll u ifhmuni”. It-tiġdid li jġib Ġesù ma jiġix bl-addoċċ. Jitlob “smigħ”, riflessjoni u fidi. Biex “tifhmu’ trid tirrifletti u tiftaħ qalbek biex taċċetta lil Ġesù u l-kelma tiegħu (ara Mk 4, 11-13). Aktar minn hekk: trid tkun lest li tinbidel u taqsam miegħu l-missjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, trid tgħaddi minn “barra” għal “ġewwa”, mir-rabta ma’ liġijiet u drawwiet, għal rabta mar-rieda ta’ Alla.

“M’hemm xejn minn barra li jtebba’ lill-bniedem”. Ġesù jkompli bil-kuntrast bejn “barra” u “ġewwa”, bejn l-apparenza u l-koerenza. Ġesù jrid li l-għemil  ikun jaqbel mal-fidi, u li l-fidi tidher fl-għemil. Għall-Fariżej in-nuqqas ta’ safa kien jiġi mill-ħwejjeġ “ta’ barra”: mill-kuntatt ma’  oġġetti jew bnedmin “impuri”; għal Ġesù, in-nuqqas ta’ safa jiġi minn ġewwa: mill-għażliet liberi u personali li wieħed jew waħda jagħmlu fis-santwarju tal-kuxjenza tal-bniedem.

“Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar intimu u s-santwarju tal-bniedem. Hemm jinsab waħdu ma’ Alla, u jisma’ leħnu jidwi fil-qiegħ ta’ qalbu. B’mod tal-għaġeb il-kuxjenza tirrivela dik il-liġi li ssib il-milja tagħha fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu”.

3. “Hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena.” 

Ġesù jassigurana li l-ħażen m’huwiex naturali għall-bniedem, iżda huwa r-riżultat ta’ għażla li l-bniedem innifsu jkun għamel f’qalbu. L-Evanġelju jagħti lill-katekumeni, li ħafna minnhom kienu jgħixu f’soċjetà pagana, lista ta’ kull ma hu ħażin fil-bniedem u li l-bniedem kapaċi jwettaq kontrih innifsu u kontra għajru.

Xi wħud fil-lista ta’ tlettax-il vizzju, jidhru minn barra. Xi wħud huma aktar sottili u ma jidhrux; iżda jidhru fl-imġiba ta’ dawk li jagħżlu li jqegħduhom fil-prattika: żina, serq, qtil, adulterji, regħba, ħżunija, qerq, faħx, għejra, dagħa, kburija, bluha.

Fost ta’ l-aħħar hemm “l-għejra”, il-vizzju li minnu kienet ġejja l-oppożizzjoni tal-Kittieba u l-Fariżej lejn il-proġett ta’ Alla li deher fil-ħajja ta’ Ġesù. Fl-aħħar tal-lista hemm “il-kburija” u “l-bluha” ta’ min jagħmel biex jidher tajjeb quddiem il-bnedmin  u ma jkunx tajjeb quddiem Alla (Ara wkoll Mk 12,38-40).

L-Evanġelju għal ħajjtina llum.

1. Il-lista tal-vizzji li nsibu fl-Evanġelju tal-lum tfakkarna fl-istampa tad-dinja pagana li San Pawl tana fl-Ittra  lir-Rumani “Għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta’ Alla li hu, u lanqas raddewlu ħajr. Għall-kuntrarju, moħħhom intilef fil-bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet; waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu. . . Għalkemm kienu jafu l-ħsieb ta’ Alla, jiġifieri li min jagħmel dan ħaqqu l-mewt, mhux biss għamlu dan, imma approvaw lil min jagħmel hekk” (Rm 1,18-32). 

2. Dan il-kliem, flimkien mal-listi tal-vizzji li jsemmi l-Evanġelju, m’humiex differenti minn dak li naraw madwarna, u li naqraw u nisimgħu fil-media ta’ kuljum. Qed ngħixu f’soċjetà neo-pagana, li warrbet lil Alla veru u tinsab maħkuma mill-individwaliżmu u r-relattiviżmu. It-tajjeb u l-ħażin jiġu mkejla minn dak li jaqbilli jew ma jaqbillix, minn dak li jagħtini gost u vantaġġ jew iżommni lura.

Bħalma kien il-poplu ta’ Alla fid-dinja ta’ żmienu, il-Komunità Nisranija hija msejħa li tkun “il-kuxjenza” tas-soċjetà ta’ żmienna  li tilfet il-boxxla. Imma dan ma tistax tagħmlu jekk ma tfittixx li tinbidel u tiġġedded hi biex iġġedded lill-oħrajn.

3. Hemm tinġis ta’ l-arja u hemm ukoll it-tinġis tal-qalb; it-tnejn jeħtieġ li jissaffew sikwit. Hemm l-ambjent tal-qalb tal-bniedem, il-kuxjenza, li teħtieġ stħarriġ u tisfija kontinwa biex inkunu nistgħu nibqgħu fit-triq tas-sewwa u ngħixu flimkien.

Kull wieħed u waħda minna għandna nħossu r-responsabbiltà li nibqgħu bla waqfien “nisimgħu mill-ġdid il-kelma li sejħitilna fil-bidu” nirriflettu fuqha, inħalluha ġġeddidna u tibgħatna nagħtu xiehda tal-Evanġelju. Min dan irridu nkejlu s-suċċess tal-mixja tal-fidi li qegħdin nagħmlu.