Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

KOLLOX GĦAMEL TAJJEB

Sena B -

IT-TLIETA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

Alla għażel li jkun qrib dawk ta’ qalbhom muġugħa.

L-Ewwel Qari: Iż 35, 4-7: Nies żvantaġġati jsibu s-saħħa f’Alla.

It-Tieni Qari: Ġak 2, 1-5: Alla għażel lill-foqra biex isiru għonja fit-twemmin.

L-Evanġelju: Mk 7, 31-37 : Ġesù u l-imwarrbin.

 

L-1 QARI, Is 35, 4-7a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Għidu lil dawk ta’ qalb imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, li tibżgħux.
Hawn hu Alla tagħkom!
Waslet il-vendetta,
il-ħlas ta’ Alla,
hu ġej biex isalvakom.”
Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja,
widnejn it-torox jinfetħu;
imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal ċerv
u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u x-xmajjar jiġru fix-xagħri;
u r-ramel jikwi jinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI, Salm 145

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles ’l-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn ’il-għomja.
Il-Mulej jerfa’ ’l-milwijin,
il-Mulej iħobb ’il-ġusti.
Il-Mulej iħares ’il-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm ’l-iltim u ’l-armla,
imma triqat il-ħżiena jħarbathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem,
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

IT-2 QARI, Ġak 2, 1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.

Ħuti, fl-istqarrija tal-fidi f’Sidna Ġesù Kristu msebbaħ qisu li ma tħarsu lejn wiċċ ħadd. Għax jekk fil-laqgħa tagħkom jidħol wieħed biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, u jidħol ukoll wieħed fqir liebes imċerċer, jekk intom idduru ma’ dak li hu liebes ilellex u tgħidulu, “Oqgħod komdu hawn bilqiegħda,” waqt li lill-fqir tgħidulu, “Oqgħod hemm bilwieqfa,” jew, “Oqgħod bilqiegħda hawn taħt, fejn inserraħ riġlejja,” ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom u hekk issiru mħallfin qarrieqa?
Isimgħu, ħuti għeżież: mhux Alla kien għażel ’il dawk li huma l-foqra tad-dinja biex isiru għonja fit-twemmin u werrieta tas-Saltna li hu wiegħed ’il dawk li jħobbuh?

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Urini, Mulej, it-triq tiegħek,
mexxini minn mogħdija watja.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU, Mk 7, 31-37

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, u għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli.
U ġibulu wieħed trux u mbikkem, u talbuh iqegħidlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata”, jiġifieri, “Infetaħ”! U dak widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu minnufih, u qabad jitkellem sewwa.
Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U, mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jinsab jivvjaġġa fil-bliet ta’ Tir u Sidon, il-bliet kapitali antiki tal-Feniċi, jagħtu fuq il-baħar Mediterran; u lejn id-Dekapoli, territorju ffurmat minn federazzjoni ta’ għaxart ibliet ta’ kultura Griega, kollha barra waħda, fil-Lvant tax-xmara Ġordan.

Ħarsa lejn il-mappa turina li bejn Tir u Sidon u d-Dekapoli hemm kważi mitt kilometru. Il-ġjografija fl-Evanġelju ta’ San Mark għandha skop kateketiku. San Mark irid jurina l-interess ta’ Ġesù lejn “il-pagani”, il-ġnus li ma kellhomx il-kultura u r-reliġjon tal-Lhud, u r-rieda tiegħu li huma wkoll jibdew jagħmlu parti mill-familja ta’ Alla. Is-silta tal-lum tagħtina mudell kif kienet issir il-katekekeżi fl-ewwel żminijiet bi tħejjija għall-Magħmudija.

1. Ġabulu wieħed trux u mbikkem u talbuh iqegħedlu idu fuqu.

Hawn għandna “wieħed trux u mbikkem”. Fis-sens kateketiku, huwa wieħed li għadu ma rċeviex id-don tal-fidi: Mhux kapaċi jisma’ l-Kelma u jwieġeb għaliha.  Bosta drabi l-ewwel kuntatt tal-katekumenu ma’ Ġesù jsir permezz tax-xiehda ta’ ħaddieħor.

Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies. Il-fidi ma tħaddanhiex mitluf fil-folla, lanqas biex timxi mal-folla.  Anki jekk xi ħadd ikun ressaq lill-bniedem adult lejn Ġesù, it-tweġiba tal-fidi trid issir dejjem b’għażla personali u libera ta’ dak jew dik li tkun. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bniedem adult għandu jsib ruħu waħdu wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù, jisma’ s-sejħa tiegħu u jwieġeb għaliha billi jimxi warajh u jerfa’ r-responsabbiltà li jxandru bħala l-Iben ta’ Alla.

Daħħal subajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Dan il-ġest huwa katekeżi dwar Ġesù. Fil-kuntatt ta’ Ġesù mal-widnejn u l-ilsien tat-trux mutu, qed jitwettaq dak li kien qal il-profeta Iżaija: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux, Hawn hu Alla tagħkom... Imbagħad jinferħu għajnejn il-għomja, widnejn it-torox jinfetħu... u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ” (l-Ewwel Qari tal-lum). Mela, min hu Ġesù?

It-Testment il-Qadim isejjaħ il-ħatar ta’ Aron, li bih għamel l-għeġubijiet fl-Eġittu, “is-saba’ ta’ Alla” (ara Eż 8,15). Ir-rabbini kienu saħansitra jirrakkuntaw li l-profeta Elija fejjaq marid li kien ibati għal tlettax-il sena bl-uġigħ tad-dras, billi messlu  s-sinna b’sebgħu. L-istess espressjoni nsibuha fl-Evanġelji ta’ San Mattew u San Luqa, meta lil Ġesù kienu akkużawh li qed ikeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Belżebul (Mt 12,28; Lq 11,20).  Fil-Liturġija tal-Pentekoste, lill-Ispirtu s-Santu nsejħulu “is-saba’ ta’ Alla l-għoli”.

Ta’ min jinnota li Ġesu’ l-ewwel mess il-widna u mbagħad l-ilsien. Dan il-ġest baqa’ jagħmel parti mir-rit tal-Magħmudija sal-lum. Il-katekeżi għall-fidi l-ewwel tiġi mis-smigħ - mir-riflessjoni u mill-mixja tal-fidi, id-dixxipulat. Imbagħad, bħala riżultat ta’ dan, il-fidi tiftaħ il-fomm ta’ dak li jkun, u jibda jxandar l-Aħbar it-Tajba. Minn “evanġelizzat”, il-katekumenu jsir “evanġelizzatur”.

2. Tnihed tnehida u qallu: “Effata”, jiġifieri “Infetaħ”!

Refa’ għajnejh lejn is-sema, tnihed tnehida. It-“tnehida” ta’ Ġesù tista’ tfisser “il-ħasra”, anzi  r-rabja tiegħu, quddiem tant nies imwarrba,  u l-ħerqa tiegħu biex joħroġhom mis-sitwazzjoni tagħhom (ara t-Tieni Qari). Il-ġest ta’ Ġesù ma kienx biżżejjed biex jinfetħu l-widnejn u jinħall l-ilsien. Kien jenħtieġ il-kelma tiegħu: “Effataħ” - U dak widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu minnufih, u qabad jitkellem minnufih. L-għażla tal-kliem tal-Evanġelju huma wkoll katekeżi u jgħinuna nirriflettu.

Il-kelma “Effata” (infetaħ) kienet tagħmel parti mir-rit tal-Magħmudija fil-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet u nsibuha fir-rit tal-Magħmudija anki llum. Lill-katekumenu li qed iħejji biex jibda l-mixja tad-dixxipulat, San Mark jgħidlu: “Ġesù jrid jagħmel miegħek l-istess ħaġa li għamel mat-trux tal-Evanġelju”. Ġesù ma jfejjaqx b’xi rit maġiku. Hija l-kelma tiegħu biss li teħles lill-bniedem u tkabbar lill-Komunità.

3. Ġesù widdibhom biex ma jgħidu lil ħadd.

Ma tistax tagħti xiehda ta’ Ġesù mingħajr ma tgħaddi mill-istess prattika ta’ Ġesù u takkumpanjah sat-tmiem, fis-salib u fil-qawmien. Fil-fatt, fl-Evanġelju ta’ San Mark, il-milja tar-rivelazzjoni ta’ min hu Ġesù dehret fil-ġrajja tas-salib. Min-naħa l-oħra, aktar ma tikber fl-għarfien ta’ Ġesu’ u timpenja ruħek fl-istess proġett tiegħu, aktar se xxandru: Aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. It-trux mutu imfejjaq ħabbar lill-folla dak li Ġesù sar ifisser għalih; u l-folla, min-naħa tagħha, inkarigat ruħha li tkompli xxandar l-aħbar.

“Kollox għamel tajjeb. Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin”  Dan il-kliem minn banda jfakkarna fil-ġrajja tal-ħolqien:”U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u ara,kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen1,31). Mill-banda l-oħra jfakkarna fis-silta minn Iżaija fl-Ewwel Qari tal-lum. Il-kliem li t-Testment il-Qadim jgħidu fuq Alla, issa l-folla tgħidu fuq Ġesù. Ġesù huwa dak li qed joħloq id-dinja l-ġdida mħabbra fl-ewwel ħolqien u matul l-Iskrittura kollha. Huwa dak li ġie minn Alla biex isalva d-dinja. Huwa dak li jerġa’ jagħti l-ħajja u ħelsien lill-maħqurin u l-imwarrbin mis-soċjetà tal-bnedmin.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. L-Evanġelju ta’ San Mark huwa twissija għal dawk li jgħidu li huma Nsara, imma għadhom “torox u muti”.  Għadhom ma għaddewx mill-fażi infantili għall-fażi adulta tal-fidi.  Matul l-Evanġelju ta’ San Mark, Ġesù sikwit jilmenta li d-dixxipli tiegħu, dawk li jaħsbu li jafuh u jħobbuh,  huma tqal biex jifhmu u tqal biex iwettqu dak li jisimgħu.

Din hija sfida kbira għal dawk li jaħsbu li jemmnu, u forsi wkoll ġa jinsabu impenjati f’ħidmiet pastorali fil-parroċċi tagħna, imma qatt ma għamlu mixja serja u sistematika tal-fidi. Min huma l-Insara adulti fil-fidi fil-Komunitajiet Insara tagħna? Għandna fil-parroċċi tagħna proġett sistematiku ta’ katekeżi biex l-adulti Nsara jsiru adulti fil-fidi, kif jissuġġerilna l-Evanġelju tal-lum?

2. Fid-Dekapoli, art tal-pagani, il-folla l-ewwel ġabet lit-trux u l-mutu biex Ġesù jfejqu, imbagħad marret ixxandar l-aħbar. L-istess trux u mutu, malli ġie mfejjaq, sar evanġelizzatur. Din id-dispożizzjoni ma tinħassx fost id-dixxipli, dawk “ta’ ġewwa”; u tinħass ħafna fost dawk li jinsabu barra, fost il-pagani. 

Fil-komunitajiet tagħna, min huma dawk li qed jagħtu xiehda lit-torox u lill-muti, il-folla ta’ nies li ma jistgħux jisimgħu u lanqas jitkellmu? Min u x’inhu li qed iżomm tant nies f’sitwazzjoni li ma jistgħux jisimgħu u jitkellmu? Dak li qed jiġri fis-soċjetà qed jgħin biex “it-torox u l-muti” jegħlbu s-sitwazzjoni ta’ l-inkapaċita li jinsabu fiha? Nafu nġibu rwieħna bir-rispett ma’ min hu trux u jinsab maqtugħ mis-soċjetà? Fejn jidħol Alla, u fejn jidħlu l-inqas fost ħutna, ġie li aħna stess inkunu bħal dawk li għandhom il-widnejn u ma jisimgħux?

3. Effata! Infetaħ! Inħossu l-ħtieġa li niftħu l-widnejn ta’ qalbna għall-Kelma ta’ Alla, u hekk nagħmlu jidwi fina l-kliem qawwi ta’ Ġwanni Pawlu II, “Iftħu bwiebkom għal Kristu”?

Waħda truxa stqarret li d-diżabbiltà tagħha għenitha biex toħloq “klawsura” madwarha, ’il hemm mill-ħsejjes tad-dinja madwarna u tieqa li tiftaħ għal dinja iżjed vera u iżjed sabiħa.  X’qed Iżommna milli noħolqu din ix-xorta ta’ “klawsura”?

 

 

MISTOQSIJIET

1. Possibbli tiċċelebra l-fidi mingħajr ma tagħti kas tal-bidliet soċjali li l-fidi tesiġI?

2. Jeżistu fil-Komunità tagħna firdiet, rivalitajiet, twarrib? Kif nissuperawhom?

3. X’inhu l-“fejqan” li l-Evanġelju tal-lum qed jissuġġerilna nagħmlu  fi ħdan il-Komunita’ jew parroċċa tagħna?