|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia ID-DIELJA, IL-BIDWI U L-FRIEGĦI |
|
|
Sena B - IL-ĦAMES ĦADD TA’ L-GĦID
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Ġwann.
(15:1-8) |
Għall kull min irid jimxi wara Kristu u jfassal u jgħix ħajja ta’ għaqda sħiħa miegħu, din it-tixbieħa mill-evanġelju ta’ Ġwanni hija ta’ importanaza kbira. Nilmħu tliet elementi importanti li jibnu din il-parabbola – id-dielja vera, il-bidwi u l-friegħi. Ġesù d-dielja vera – Fit-Testment il-Qadim, id-dielja kienet Iżrael. Fil-kotba tal-profeti u fis-Salmi insibu diversi passaġgi fejn ix-xbieha tad-dielja tirreferi għall-poplu nnifsu. Eżempju Salm 80. Imma l-poplu ta’ Iżrael spiss dineb kontra l-Mulej u tbiegħed minnu. B’hekk huwa qata’ lilu nnifsu mill-għajn li kienet tagħtih il-ħajja, nixef u miet. Issa Ġesù qed jgħid lid-dixxipli tiegħu, “Id-dielja vera huwa jien.” Ma hemm ebda dielja oħra ħliefu għaliex huwa ħaġa waħda mal-Missier, l-unika għajn li minnu ġejja kull ħajja. Ġesù huwa d-dielja vera, li bl-Inkarnazzjoni tħawwel fostna. Xettel l-għeruq tiegħu fid-dinja tagħna. F’post ieħor juża x-xebħ tal-qamħa li taqa’ fil-ħamrija u tindifen biex tkun tista ġġib il-frott. Alla l-Missieri huwa l-bidwi – Alla huwa mxebbaħ ma’ dak li jsaqqi d-dielja, jikkurha u jiżbor minnha dawk il-friegħi li jinxfu. Mhux Alla li qiegħed ‘il bogħod, imma huwa kontinwament qrib. Mhux Alla li ħalaq il-ħajja, imbagħad telaqha għal riħha imma jħarisha, jindukrha u jsostniha. Aħna l-friegħi - Spiss ninsew li aħna friegħi, li maqtugħin minn maz-zokk, ninxfu u mmutu. Spiss nippruvaw noħolqu still ta’ spiritwalità falza li taqtagħna mill-kumplament tal-ġisem. Forsi nħossuna wisq imxekklin minn friegħi oħra. Forsi rridu iktar libertà għalina nfusna. Ninsew li jekk ninqatgħu mill-friegħi l-oħra nkunu qed ninqatgħu ukoll mid-dielja vera. Il-weraq li jlibbsu l-friegħi – Mhumiex il-frott u lanqas jittieklu. Il-weraq li joħrorġu mill-friegħi mhumiex l-iskop aħħari tad-dielja. Imma jekk fergħa qatt ma tagħmel weraq din tinxef u tmut. Il-weraq huma l-post fejn bl-għajnuna tax-xemx li jieħdu fuqhom, jibdlu l-ilma u s-sustanzi li jirċievu mid-dielja f’ikel li jżommhom ħajja u li jgħinhom jagħmlu l-frott. Spiss inxebbaħhom ma’ dawk l-atti li nagħmlu li jżommuna spiritwalment ħajjin. L-istess bħat-talb, bħall-penitenza u bħall-atti tar-reliġjon li nwettqu. fihom infushom mhumiex l-iskop tal-ħajja spiritwali. Imma mingħajrhom kull spiritwalitá tiddgħajjef u tmut. Huma l-mezz li bihom jintlaħaq l-iskop aħħari. Il-frott li nipproduċu - Dan huwa l-veru skop tal-ħajja nisranija. Minnu biss nintebħu jekk l-ispiritwalitá tagħna tkunx waħda awtentika jew le. “Mill-frottijiet tagħhom intom tagħrfuhom.” Bla dubju ta’ xejn, li l-frott veru ta’ kull ħajja nisranija awtentika hija l-imħabba. L-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu. Għaliex kif nista’ ngħid li nħobb lil Alla li ma narax u ma nħobbx lil ħija li narah. Li qed ngħix miegħu kuljum. Għalhekk il-frott li bħala nisrani rrid nipproduċi huwa li nħobb lil Alla fl-oħrajn u li nħobb lil oħrajn minħabba Alla. Fuq kollox, il-fergħa ma tipproduċix il-frott għaliha nfisha imma għal ħaddieħor. Żmien in-nixfa - Jiġi perjodu meta l-friegħi tad-dielja jidhru niexfa, bla frott u bla weraq. Imma għaliex għadhom jagħmlu parti mid-dielja vera, fihom jkun għad hemm il-ħajja. Iz-zokk tad-dielja jkun għadu qed isostnihom. Il-bidwi jkun għadu qed isaffihom minn kull inxif u jħarishom minn kull mard. L-istess id-dixxiplu li jkun magħqud ma’ l-Imgħallem. Jiġu żminijiet ta’ nixfa spiritwali u taqtigħ il-qalb. Imma sakemm inkunu għadna magħqudin ma’ Ġesú, huwa jsostnina. Anke jekk ma nintebħux. Anke jekk lilu la narawh u lanqas nisemgħuh. U jiena ċert li kif meta terġa tiżreġ ix-xemx, il-friegħi tad-dielja jerġgħu jarmu, iħaddru u jimtlew bil-frott, hekk ukoll jiġri fina sakemm inkun għadna fid-dielja. Hekk wegħdna Ġesú nnifsu. “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi.” |