Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia

 KIENU GĦADHOM MA FEHMUX

Sena B -

IL-JUM QADDIS TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. (20: 1-9)

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesù , u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih.

Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal wkoll, ra, u emmen.

Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li kienet tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Dan il-qari mill-Evanġelju ta’ Ġwanni jfakkarni fi tliet personaġġi u l-mixja ta’ fidi ta’ kull wieħed u waħda minnhom.  L-ewwel tlieta qegħdin hemm, imsemmija fit-test tar-raba’ evanġelju, ir-raba’ waħda ma tissemmiex iżda il-mixja tagħha tidher qawwija propju minħabba in-nuqqas ta’ preżenza tagħha.

Marjam ta’ Magdala, dik li minnha Ġesù kien ħareg seba’ xjaten (Lq 8:2);  dik li għax inħafrulha ħafna, ħabbet ħafna (Lq 7:47); dik li baqgħet hemm sa’ l-aħħar taħt is-salib (Mt 27:56) u baqgħet sejra sal-qabar biex tara fejn tqiegħed (Mk 15:47).  Issa ġiet ħdejn il-qabar u għax rat il-blata mneħħija mill-qabar inħasdet. Telqet tiġri għand id-dixxipli: Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.  Kienet ħabbet ħafna, imma l-fidi tagħha, bħal ta’ l-oħrajn kienet għadha żgħira. Kienet għadha marbuta wisq ma’ dak Ġesù li trid tarah u tmissu biex temmen fih.  Għaliha, il-qabar vojt kien għadu mhux sinjal ta’ qawmien, imma wieħed ta’ deżolazzjoni u niket.  Forsi jien mhux ukoll hekk jiġrili, li meta lil Ġesù ma narahx u ma nħossux, flok nirrikorri għal fidi naqa’ fin-niket u t-taqtigħ il-qalb?

Xmun Pietru kien dak li biex imur ħdejn l-Imgħallem tiegħu mexa fuq l-ilma.  Imma imbagħad il-fidi naqsitu u beda nieżel.  Kien dak li stqarr lil Ġesù, “Inti l-Messija, Bin Alla.” Kien dak li fuqu Ġesù ried jibni l-Knisja tiegħu.  Kien miegħu fuq it-Tabor   Kien miegħu fl-aħħar ikla meta ħaslilhom riġlejhom u fejn kien ċert li anke jekk kulħadd jaħrab, iżda huwa le. Ra lill-Imgħallem tiegħu fil-ġnien bl-għaraq tad-demm ħiereġ minnu.  Raħ jiġi tradut u ħareġ is-sejf.  Ftit mumenti wara, ċaħdu. Imma għaċ-ċaħda tiegħu beka biki ta’ qsim il-qalb.    Issa ġera lejn il-qabar vojt.  Ma wasalx l-ewwel wieħed għax il-piż tac-caħda tiegħu kien għadu frisk wisq fuqu. Forsi wkoll il-piż ta’ dak li kien għadu kif qallu l-Imgħallem jumejn qabel, “Meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek." Pietru daħal u ma tkellimx għaliex lanqas hu kien għadu ma fehem sewwa l-Iskrittura.

Id-Dixxiplu l-Maħbub.  Min jaf min kien!  Min jaf min hu!  Żgur li fil-komunità ta’ Ġwanni u fil-komunitajiet l-oħra li ġew bosta snin wara din il-ġrajja, id-Dixxiplu l-Maħbub kien jirrafigura lil dawk kollha, li bħali u bħalek ma kellhomx il-lussu li jaraw lil-Ġesú Irxoxt u li bħal Tumas imissu b’idejhom il-pjagi. Kien dak li għalihom il-qabar vojt kien biżżejjed biex jemmnu.  Kienu dawk li għalihom Ġesú  nnifsu qal, “Imberkin dawk li jemmnu bla ma jaraw.”  Imma d-Dixxiplu l-Maħbub ukoll, l-evidenza tal-qabar, tal-faxex u tal-liżar mixħuta hemm, kienet importanti.  Għax il-fidi tiegħu ukoll kienet għada dgħajjfa wisq.

Marija, Omm Ġesú.  Mhux hawn biss ma tidhirx.  Ma narawha fl-ebdá waħda mid-dehriet li Ġesú għamel wara li qam mill-imwiet. Ikun hawn min jirrimarka, “Possibbli li Ġesú deher tant nies u ma deherx lil Ommu?  Jiena nemmen li kull dehra ta’ Ġesú wara l-qawmien tiegħu saret biex tnissel u tqawwi l-fidi fid-dixxipli.  F’Marija dan ma kiex meħtieġ.  Hija kienet dik li emmnet anke qabel ma rat.  Sa mill-ewwel mumenti fit-tieġ ta’ Kana, meta binha kien għadu ma wettaq ebda sinjal, hija kienet diġá emmnet fih.  Issa l-istess. Kif ma marritx ma’ l-oħrajn ħdejn il-qabar ta’ binha? Xi ħtieġa kellha tmur ħdejn il-qabar?  Hija kienet diġá emmnet fi kliemu li fit-tielet jum kellu jqum. Hija kienet taf li l-qabar kien vojt.  Għaliex tfittex lil min hu ħaj qalb il-mejtin? Lil binha hija kienet tarah u titkellem miegħu kontinwament, mhux aktar bl-għajnejn u l-fomm ta’ ġisimha imma b’dawk tal-fidi.