Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia

 INTOM XHUD TA' DAN!

Sena B -

IT-TIELET ĦADD TA’ L-GĦID

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. (24, 35-48)

F’dak iż-żmien: Id-dixxipli kienu qegħdin itarrfu xi ġralhom fit-triq, u kif għarfu ’l Ġesù fil-qsim tal-ħobż.
Kif kienu għadhom qegħdin jitkellmu, huwa nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’, għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmu li l-Ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Billi huma, bil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa ta’ l-ikel hawn?” U ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija. Ħadha, u kielha quddiemhom.
Imbagħad qalilhom: “Dan kien sewwa sew il-kliem li għidtilkom meta kont għadni magħkom: li jeħtieġ iseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u s-Salmi.” Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u li lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm, tixxandar f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet. Intom xhud ta’ dan.”

Il-Kelma tal-Mulej.


 

Il-ġrajja tal-Għid hija kollha kemm hi mibnija fuq ix-xhieda. Mibnija fuq ix-xhieda tan-nisa li marru ħdejn il-qabar ifittxu ġisem mejjet imma minflok jiltaqgħu ma’ Ġesù ħaj. Hija mibnija fuq ix-xhieda ta’ Pietru u sħabu li f’diversi drabi u f’bosta ċirkustanzi wara l-ġrajja tal-passjoni u l-mewt tiegħu, Ġesù dehrilhom u tkellem magħhom. Mibnija fuq ix-xhieda ta’ aktar minn ħames mitt aħwa li kienu miġbura flimkien (1 Kor 15:6). Mibnija fuq ix-xhieda ta’ Tumas li ma riedx jemmen qabel jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.

Imma jekk dil-ġrajja tal-Għid għandha egħruqha fuq dak li raw u xandru l-Appostli u l-ewwel dixxipli, daqstant ieħor hija mibnija fuq ix-xhieda ta’ l-oħrajn li għalihom il-ġebla mgerba u l-qabar vojt kienu biżżejjed. Għax jekk dawk ta’ l-ewwel esperjenzaw lil Ġesù Rxoxt bis-sensi ta’ ġisimhom, dawn ta’ l-aħħar esperjenzawh bil-fidi tagħhom.

Iva, il-ġrajja tal-Għid hija mibnija fuq ix-xhieda tal-kelma li dawk li emmnu kienu jagħtu tat-twemminhom. Il-kelma li kien jeħtiġilha dejjem tkun imsieħba b’xhieda ferm aktar qawwija mill-kliem.  U din kienu jagħtuha bil-mod kif jgħixu u bil-mod li jmutu.  Bosta minnhom kienu lesti li jħallu ħajjithom b’xhieda tal-fidi tagħhom.

Imbagħad, il-ġrajja tal-Għid hija mibnija fuq ix-xhieda ta’ kelma oħra.  Mhix kelma ta’ bniedem, imma l-Kelma ta’ Alla.  Dik il-kelma imħabbra mill-profeti fit-Testment il-Qadim u inkarnata fil-persuna ta’  Ġesù Kristu fit-Testment il-Ġdid. 

Qalilhom “Dan kien sewwa sew il-kliem li għidtilkom meta kont għadni magħkom: li jeħtieġ iseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u s-Salmi.” Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U kompla jgħidilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum.”

Ix-xhieda hija propju l-messaġġ sħiħ ta’ dan il-qari.  Mhux biss ix-xhieda ta’ dawk li għaddew minn dawn il-ġrajjiet, imma wkoll ix-xhieda tagħna li qed ngħixu llum. Għax għalina Kristu mhux il-fantażma ta’ dak Ġesù li għix u miet elfejn sena ilu, imma huwa ħaj fostna anke llum.  Kristu li jrid ikun preżenti f’kull mument ta’ ħajjitna, anke fl-aktar ħwejjeġ ordinarji li nagħmlu.  “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”    U ressqulu quddiema biċċa ħuta mixwija.  Hadħa u kielha quddiemhom.

Il-messaġġ kollu ta’ dan il-qari huwa propju il-missjoni li Kristu ta lill-Knisja tiegħu. Huwa s-sejħa li huwa jagħmel lil kull min huwa mgħammed. L-ewwel nilmħu liż-żewġ dixxipli jagħtu xhieda lil sħabhom tal-esperjenza li kellhom fit-triq u kif għarfu lil Ġesù fl-Ewkaristija, il-Qsim tal-Ħobż u jagħlaq bit-twissija ta’ Ġesù, “Intom xhud ta’ dan.” Dan huwa kliem li Gesù, illum qed jerġa jtennih lilna.  Qed jgħidilna, “Intom xhud ta’ dan.  Qed jgħidli, “Inti, iva inti wkoll xhud ta’ dan.”

U jiena, kif qed inwieġeb?  Jiena qed inkun tassew xhud tal-qawmien ta’ Ġesù?Ġesù huwa tassew ħaj fil-ħajja tiegħi?   Jew forsi ngħix u naġixxi bħal wieħed li għalih Ġesù miet u spiċċa. Għalija Ġesù fantażma ta' xi ħadd li hu mejjet?

Ix-xhieda tal-qawmien mhix vokazzjoni riservata biss għal ftit, imma hija sejħa li Ġesù jagħmilha lil kull min, bil-magħmudija tiegħu għażel li jkun dixxiplu ta’ l-Imgħallem. Il-mod jista’ jkun differenti, imma s-sejħa hija l-istess. 

Lil dawk li lilhom kienet mogħtija l-kelma, jridu jkunu xhieda billi jwasslu l-kelma.

Lil dawk li ħadu d-dawl, iridu jkunu xhieda billi huma stess ikunu dawl għall-oħrajn.

U lilna lkoll li rċevejna ħajja ġdida fi Kristu Rxoxt, irridu nkunu xhieda propju bil-ħajja li ngħixu. Bl-eżempju li nagħtu. Bil-qadi li noffru. Bil-fidi li nħaddnu. Bit-tama li tqawwina. Bl-imħabbna li tħeġġiġna.

Intom xhud ta’ dan.  Iva, anke jiena xhud ta’ dan!