Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

TA’ L-EWWEL WARA KULĦADD

Sena B -

IL-ĦAMSA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

Il-Messija Qaddej u d-Dixxipli Tiegħu

L-Ewwel Qari:  Għerf 2, 12a.17-20: L-inġusti jippersegwitaw lill-bniedem ġust.

It-Tieni Qari:  Ġak 3,16-4,3: Il-veru għerf irid jidher fl-imġiba.

L-Evanġelju:  Mk 9,30-37: Ġesù, il-Messija Qaddej.

 

L-1 QARI - Għerf 2, 12.17-20
Qari mill-Ktieb tal-Għerf.

In-nies il-ħżiena qalu: “Ejjew naraw x’naqilgħu kontra l-bniedem tajjeb, għax hu jdejjaqna u ma jaqbilx ma’ l-imġiba tagħna; hu jċanfarna meta niksru l-liġi u jakkużana li m’aħniex ngħixu skond ma darrewna. Ejjew naraw jekk dak li jgħid hux minnu, ejjew naraw kif sejjer jispiċċa ħajtu. Għax jekk il-bniedem tajjeb hu tassew bin Alla, Alla żgur jgħinu u jeħilsu minn taħt idejn l-għedewwa tiegħu. Ejjew inġarrbuh billi ninsultawh u nweġġgħuh, u hekk naraw fejn hi tjubitu u kemm jiflaħ isofri. Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra, għax, kif qal hu, Alla sejjer iħarsu.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 53
Alla hu dak li jgħinni.


Salvani, O Alla, bl-isem tiegħek,
agħmel ħaqq minni bil-qawwa tiegħek.
Isma’, O Alla, it-talba tiegħi,
agħti widen għal kliem fommi. R/.

Għax nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. R/.

Ara, Alla hu dak li jgħinni,
Sidi fost dawk li jwieżnu lil ruħi.
Minn qalbi jien noffrilek is-sagrifiċċju,
inrodd ħajr lil ismek, Mulej, għax hu tajjeb. R/.

IT-2 QARI - Ġak 3, 16 - 4, 3
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.

Għeżież: Fejn hemm il-għira u l-ambizzjoni, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen. Il-għerf li ġej minn fuq, qabel kollox huwa għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-irġulija, bla ma jħares lejn l-uċuh u bla qerq. Għal dawk li jfittxu jnisslu s-sliem, il-frott tal-ġustizzja hu miżrugħ fis-sliem.
Mnejn jiġi l-glied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-ġibdiet ħżiena li jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; toqtlu u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; tiġġieldu u titqabdu, u ma fikomx ġid għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-sema.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 9, 30-37
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġesù u d-dixxipli tiegħu telqu u għaddew minn nofs il-Galilija, u hu ma ried lil ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u, meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.” Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ lit-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd.” U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.”

Il-Kelma tal-Mulej

 

MISTOQSIJIET

1. Kif tista’ l-Komunità Nisranija li ninsabu fiha tgħix l-esperjenza tal-“qadi” biex tkun tassew dixxipla tal-Imgħallem?

2. Għaliex fil-Komunitajiet spiss jinbtu it-tilwim u l-piki?  X’effett jistgħu jġibu mġibiet bħal dawn?

3. Hawn ħafna bnedmin li jiddedikaw ħajjithom biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ ħuthom dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Għaliex id-drittijiet tal-bniedem huma wkoll drittijiet ta’ Alla?

 

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum, tibda bil-kliem: “Ġesù u d-dixxipli tiegħu telqu u għaddew min-nofs il-Galilija.”  Fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù ried jgħaddi għall-aħħar darba lid-dixxipli tiegħu min-nofs il-Galilija, ir-reġjun tal-ħidma tiegħu bla waqfien għall-ħelsien ta’ dawk li kienu mjassrin u mtaqqlin.

San Mark jgħidilna li did-darba hu ma ried lil ħadd ikun jaf. U jagħtina r-raġuni:  “għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu.”  F’din l-aħħar parti tal-Evanġelju, Ġesù jqatta’ żmien twil mad-dixxipli f’katekeżi ta’ dixxipulat.

Għal tliet darbiet iħabbrilhom il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu (8,31-33; 9,30-32; 10,32-34).  Kull tħabbira kienet twieġeb għal xi tfixkil (“xitan”) importanti li kien jaħkem fuq id-dixxipli u ma jħallihomx iwettqu l-missjoni li se jafdalhom Ġesù. L-Imgħallem kien jaf li l-messjaniżmu tiegħu se jipprovoka ħafna konflitti. Min irid jimxi warajh irid ikun avżat b’dan, biex ikollu l-kuraġġ jieħu pożizzjoni u jżommha. Min jibża’ ma jistax ikun tassew dixxiplu ta’ Ġesù.

Il-Ħadd l-ieħor irriflettejna dwar l-ewwel tħabbira, tweġiba għax-“xitan” li kien qed ifixkel lil Pietru u sħabu dwar il-messjaniżmu ta’ Ġesù. Illum nidħlu fit-tieni tħabbira u l-istruzzjoni li ġġib magħha. 

1.“Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”

Billi dan l-Evanġelju kien iservi ta’ ktieb ta’ katekeżi, kien mistenni li l-katekumeni jistaqsu: “Kien tassew neċessarju li Ġesù jgħaddi bilfors mis-salib biex jirrealizza l-messjaniżmu tiegħu? Għaliex il-Messija kellu jiġi msallab?” It-tweġiba tal-Evanġelju tfakkarna fid-destin tal-bniedem ġust f’idejn il-bnedmin inġusti, kif qrajna mill-ktieb tal-Għerf fl-Ewwel Qari tal-lum: “Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra, għax, kif qal hu, Alla sejjer iħarsu.”

 “Bin il-Bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin”.  L-espressjoni fil-passiv, tista’ tinftiehem f’żewġ modi: Bl-ewwel mod nifhmu li San Mark irid juri li l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù qegħdin fil-pjan ta’ Alla. Hu kien li “ta lil Ibnu” biex isalva lill-umanità: Alla reħa lil “Ġust” biex isalva lill-“inġusti”. B’danakollu, il-mewt ma kenitx se tkun l-aħħar kelma: “U meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum”. Dan il-mod, jekk nifhmuh ħażin, jista’ jagħtina idea stramba ta’ Alla. Għalhekk irridu nkompluh b’għarfien iktar eżatt ta’ dak li jrid jgħid l-Evanġelista.

Bit-tieni mod nifmu li fit-twettiq tal-missjoni tiegħu, Ġesù se jkun akkużat u ttradut, “se jingħata” għall-mewt, minn dawk li ħassewhom imheddin mill-imġiba tiegħu, kif rajna l-Ħadd l-ieħor. Hawnhekk, San Mark ma jgħidx min se jkunu dawn ir-responsabbli għall-mewt ta’ Ġesù. Iżda l-qarrejja Nsara ta’ l-Evanġelju jafu. U min jaqra b’attenzjoni l-Evanġelju jaf min kienu dawk li lil Ġesù qatgħuhielu għall-mewt, sa mill-bidunett tal-missjoni tiegħu.

2. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Għal kull waħda mit-tliet tħabbiriet tal-passjoni u l-mewt insibu reazzjoni kuntrarja tad-dixxipli. Fl-ewwel tħabbira huwa Pietru li jeħodha kontra Ġesù bl-aħrax u jlumu (l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda). F’din it-tieni tħabbira, id-dixxipli “ma fehmux u beżgħu jistaqsuh”: Id-dixxipli “tfixklu” minħabba l-biża’: bdew jibżgħu mill-impenn. Fit-tielet tħabbira, ir-reazzjoni tkun ta’ qatgħa kbira u ġlied bejn id-dixxipli, minħabba l-ambizzjoni ta’  wlied Żebedew għall-post  tal-unur.

F’kull tħabbira, San Mark jinqeda bir-reazzjoni negattiva tad-dixxipli biex jintroduċi l-messaġġ ta’ Ġesù, tant differenti mill-imġiba tad-dixxipli. Kull darba  Ġesù jesiġi bidla fir-rotta, fl-ideat u fl-atteġġjamenti tad-dixxipli tiegħu, jekk iridu jibqgħu mexjin miegħu sa l-aħħar fi triqtu “lejn Ġerusalemm”.

Fil-każ tal-lum,  “id-dixxipli ma fehmuhx u beżgħu jistaqsuh” . It-tema tan-nuqqas ta’ għarfien min-naħa tad-dixxipli spiss tidher fl-Evanġelju ta’ San Mark. Iżda mill-“biża’ li jistaqsuh” faċli nindunaw li d-dixxipli lanqas biss riedu jifhmuh. Beżgħu mill-impenn serju li kien jitlob minnhom il-messjaniżmu ta’ Ġesù. Fil-parabbola taż-żerriegħa, Ġesù stess kien ilminta li xi wħud “iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom” (Mk 4,12).

3. “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd.”

Ix-xena tqiegħed lil Ġesù u d-dixxipli “id-dar”. Mat-triq kien hemm diskussjoni bejniethom fuq min kien l-akbar. Dan juri li d-dixxpli kienu għadhom magħluqin fil-piki u l-ambizzjonijiet tagħhom. Kienu jimmaġinaw il-komunità mifruda f’kategoriji u klassijiet, fejn xi wħud igawdu privileġġi li l-oħrajn m’għandhomx.

Is-skiet tad-dixxipli jipprepara t-triq għal-lezzjoni li ried jagħtihom l-Imgħallem:-“Imbagħad qagħad bilqiegħda”, sejjaħ lit-Tnax u qalilhom: ‘Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd’.”  Ilkoll kemm huma setgħu jaraw li din it-tagħlima kienet  taqbel ma’ l-imġiba tal-Imgħallem matul ħajtu kollha.

“U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh, u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”. Tfajjel ċkejken huwa persuna fil-bżonn, jiddependi f’kollox minn ħaddieħor. Ġesù jqiegħdu fin-nofs: biex jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli - jagħmlu “ċentru ta’ interess”. Ġesù juri lejn dan it-tfajjel imħabba: fl-Evanġelju ta’ San Mark, Ġesù lill-kbar jippridkalhom, liż-żgħar iberikhom (ara Mk 10,16). Hekk, b’dan il-ġest, Ġesù juri min hu d-dixxiplu u xi tfisser tkun il-kbir fil-komunità. Kbir hu dak li jilqa’ lil min hu fil-bżonn, imwarrab, maħqur; u jħenn għalih u jieqaf miegħu fil-prattika. Tilqa’ nies bħal dawn ifisser tilqa’ lil Ġesù u lill-Missier li bagħtu.

Il-ġest u l-kliem ta’ Ġesù jistgħu jkollhom ukoll tifsira oħra. Il-kelma Griega “paidion”, “tifel”, tista tfisser ukoll “qaddej”, “iċ-ċkejken li jaħdem u jaqdi lill-oħrajn”. F’dan is-sens “iċ-“ċkejken li jaqdi” huwa Ġesù nnifsu. Ġesù huwa ċ-ċkejken, anzi l-iċken fost kulħadd, għax sar il-qaddej ta’ kulħadd, sa l-għotja ta’ ħajtu. Tkun dixxiplu tiegħu jfisser tilqgħu bħala l-Messija-Qaddej li jiffaċċja l-mewt, biex jagħti lil kulħadd il-ħajja.

Il-qadi tal-Imgħallem irid jitkompla fil-qadi tal-Komunità Nisranija. Biex tkun tista’ xxandru, hija wkoll trid tgħaddi mill-esperjenza tal-qadi, sa l-aħħar, sas-salib.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. F’din t-tieni taħbira tal-passjoni, biex jikkumbatti “x-xitan” tal-ambizzjonijiet u l-piki, Ġesù jesiġi mid-dixxipli tiegħu li jsiru qaddejja ta’ kulħadd, u li jilqgħu liċ-ċkejknin u l-imwarrbin daqslikieku qegħdin jilqgħu lilu stess. Ta’ għalliem tajjeb li kien, tana l-eżempju b’ħajtu.

San Pawl, li tiegħu San Mark kien dixxiplu, ħeġġeġ lill-ewwel Insara: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù. Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir. . . ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”  (Fil 2, 5-8).

2. “Il-mod kif id-dixxipli riedu jkunu kbar kien dak tal-poter, li taħkem fuq l-oħrajn. Mhux bilfors tasal fl-estrem ta’ Hitler, imma fejn tista’ tasal? Tasal f’sitwazzjoni fejn wieħed jaħkem u l-oħrajn iservu; wieħed isir ‘hieni’ (jekk jista’ jkun hemm hena f’dan) u l-oħrajn imdejqin; wieħed waħdu joħroġ rebbieħ, l-oħrajn kollha telliefa!

“Fil-mod kif għallem u għamel Ġesù, mill-kobor ta’ wieħed jibbenefika kulħadd. Min hu kbir fil-qadi, huwa tassew kbir u jkabbar lill-oħrajn; flok ma jitla’ fuqhom, itella’ lill-oħrajn miegħu. Eżempju ta’ dan hija Madre Tereża. Kienet tabilħaqq ‘mara kbira’. Fil-funeral tagħha kienu preżenti kapijiet ta’ l-istat u l-kbarat tad-dinja. Imma l-kobor tagħha kien ta’ ġid għal eluf ta’ nies. Dan huwa l-kobor awtentiku. Meta tkun kbir b’dan il-mod kemm tkun ta’ barka għad-dinja kollha!”