|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. Dak li Alla għaqqad, ma għandux jifirdu l-bniedem. |
||
|
Sena B - IS-SEBGĦA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA
L-1 QARI - Ġen 2, 18-24
Iberikna l-Mulej
il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Qari
mill-Ittra lil-Lhud.
Hallelujah. Hallelujah.
|
Dawk li jiddeċiedu li jimxu wara Ġesù, anki fi żmienna, jinsabu taħt pressjoni minn soċjetà li tippretendi li tgħidilhom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, tippermetti kollox u twarrab dak li ma jogħġobhiex. X’għandu xi jgħid Ġesù dwar din is-soċjetà? X’kienet il-pożizzjoni tiegħu, u kif għandhom iġibu ruħhom dawk li jimxu warajh? Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum, din is-soċjetà hija irrappreżentata mill-Fariżej u minn sħabhom il-Kittieba tal-Liġi. Dawn kienu jinterpretaw il-liġijiet kif jidhrilhom u jmponuhom fuq kulħadd. Is-silta tal-lum turi li, f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ, il-Komunità Nisranija, sa mill-ewwel żminijiet, kienet inqatgħet minn dak li kienu jgħallmu l-Fariżej. L-istruttura kif l-Evanġelista jqassam din is-silta turi l-għan kateketiku tat-test: 1. Ġesù, l-Għalliem, jiġi mistoqsi dwar diffikultà serja fil-ħajja taż-żwieġ: meta l-miżżewġin jinfirdu. 2. L-Għalliem iwieġeb b’mistoqsija oħra min-naħa tiegħu. 3. Dawk li staqsewh jwieġbu, imma t-tweġiba tagħhom tħalli barra element importanti ħafna. 4. L-Għalliem jikkorreġi t-tweġiba u jurihom dak li hu ġdid fil-perspettiva tal-proġett ta’ Alla, “sa mill-bidu”. 1. “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” L-Evanġelju jgħidilna li l-Fariżej “biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu”. Kienet mistoqsija nasba: Ġesù se jillaxka jew se jissikka l-liġi? Ġesù weġibhom b’mistoqsija oħra: “X’ordnalkom MoseÏ?” Il-Fariżej ikkwotawlu mill-ktieb tad-Dewteronomju, iżda t-tweġiba tagħhom ħalliet barra dettalji importanti, li juru x’kien l-iskop wara l-liġi ta’ MoseÏ: “MoseÏ ta permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju u jibgħatha”. Fil-fatt fil-ktieb tad-Dewteronomju (24,1-4), MoseÏ kien “ordna” (mhux “ta permess”) li biex raġel jitlaq lil martu kellu “jiktbilha l-kitba tad-divorzju u jagħtihielha f’idejha”; ma setax jitlaqha għal xejn b’xejn, imma għax “ikun sab fiha xi ħaġa mhix xierqa”; u, bil-kitba tad-divorzju f’idejha, il-mara setgħet issir “il-mara ta’ ħaddieħor”; u jekk it-tieni wieħed jiltlaqa’ wkoll jew imut, l-ewwel wieħed ma kienx jista’ “jerġa’ jeħodha b’martu”. Huwa ċar li l-iskop ta’ MoseÏ kien li jiddefendi u jħares lill-mara mill-ħakma, mill-arbitrarjetà u mill-kapriċċi tar-raġel. L-ewwelnett ir-raġel kien jista’jitlaq ’il martu, imma l-mara ma kenitx tista’ titlaq lir-raġel. U sakemm ir-raġel li jkeċċiha ma jagħtihiex il-kitba “f’idejha”, quddiem il-liġi l-mara kienet tibqa’ titqies qisha għadha “ta’ l-ewwel wieħed”. Mela, jew kienet tispiċċa waħidha għal għonq it-triq u ma jkollha lil ħadd min iħarisha u jmantniha, jew, jekk tmur ma’ raġel ieħor, kienet issir ħatja ta’ adulterju. Il-mara setgħet jew tmut bil-ġuħ jew titħaġġar għall-mewt minħabba l-adulterju. Bħas-soltu l-Fariżej ippreżentaw il-liġi u warrbu l-iskop tagħha. Id-diskussjoni tagħhom kienet tkun biss fuq ir-raġunijiet u ċ-ċirkustanzi li minħabba fihom ir-raġel seta’ jitlaq lil martu. Fil-prattika kienu jilleġittimaw diskriminazzjoni inġusta bejn ir-raġel u l-mara u, minn fuq, kienu jgħallmu dan bħala parti sħiħa mir-rieda ta’ Alla dwar iż-żwieġ. Għalhekk Ġesù mhux talli jikkoreġi t-tweġiba tagħhom, imma jqiegħed ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin fil-perpettiva vera tagħha, dik tal-proġett ta’ Alla “sa mill-bidu tal-ħolqien” (ara l-Ewwel Qari): - “Minħabba l-ebusija ta’ raskom kitbilkom dan l-ordni”. Ġesù juri, qabel xejn, li l-prattika tal-Fariżej kienet ksur tal-Liġi ta’ Alla: “L-ebusija tal-qalb” fil-lingwaġġ bibbliku tfisser li wieħed jirrifjuta li jagħmel ir-rieda ta’ Alla: il-Fariżej, fil-prattika, kienu qed jopponu l-proġett ta’ Alla fil-ħolqien tar-raġel u l-mara. - “Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela jħalli r-raġel lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”. Ġesù jgħaqqad fi ħsieb wieħed żewġt ivrus mill-ktieb tal-Ġenesi: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (1,27) - “Għalhekk iħalli r-raġel lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (2,24). Hekk Ġesù juri li r-raġel u l-mara, magħqudin fiż-żwieġ, jiffurmaw ġisem wieħed inseparabbli, f’għaqda ta’ mħabba, akbar u aktar qawwija mill-għaqda tad-demm jew dik tal-familja. - “Mela, dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” Din mhix sempliċi liġi jew projbizzjoni, imma l-proġett, il-viżjoni ta’ Alla, fil-ħolqien tar-raġel u tal-mara, kif intwera sa minn kmieni fl-Iskrittura. Ir-raġel u l-mara, ġew maħluqin xbieha ta’ Alla u meta jingħaqdu fiż-żwieġ isiru l-mera u l-epressjoni l-aktar ċara tal-għaqda ta’ mħabba, unità li ma tinħallx, li hemm f’Alla nnifsu.
2. Ir-raġel u l-mara huma egwali fid-dinjità, fid-drittijiet u fid-dmirijiet. X’ħin daħlu “d-dar”, id-dixxipli jkomplu jistaqsu lil Ġesùfuq is-suġġett, u Ġesù jiġbed il-konsegwenza ta’ dak li kien għadu kif qal lill-Fariżej: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra, ikun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda, u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”, Fil-liġi ta’ Ruma, b’differenza mil-liġi tal-Fariżej, kemm ir-raġel u kemm il-mara setgħu jiddivorzjaw. L-irġiel u n-nisa kellhom l-istess drittijiet u dmirijiet. Il-kliem tal-Evanġelju juri li l-Komunita’ ta’ San Mark setgħet kienet tgħix f’ambjent fejn titħaddem leġislazzjoni differenti minn dik tal-Fariżej. Iżda, għalkemm il-kliem ta’ l-Evanġelista jidher li jaf bil-liġi Rumana, it-tagħlim ta’ Ġesù imur ’il hemm kemm mil-liġi tal-Fariżej u kemm minn dik tar-Rumani. L-ewwelnett, Ġesu jqiegħed lir-raġel u l-mara fl-istess livell, u jagħmilhom responsabbli ta’ xulxin; dan huwa s-sens tal-espressjoni “kontra l-ewwel waħda”. It-tieni, il-falliment tal-għaqda, kemm jekk jiġi min-naħa tar-raġel u kemm jekk jiġi min-naħa tal-mara, imur kontra l-proġett u l-viżjoni ta’ Alla dwar l-għaqda tat-tnejn flimkien fiż-żwieġ. Ġesù hawnhekk mhux qed jitkellem sempliċiment fuq x’inhu permess u x’mhux, dwar liġi, ħtijiet u d-dnub, imma qed jiġbed il-konsegwenza ta’ dak li kien għadu kif qal lill-Fariżej. Fiż-żwieġ nisrani, ir-raġel u l-mara flimkien iridu jaħdmu u jgħinu lil xulxin biex jitwettaq il-proġett ta’ Alla: Mhux biss biex iż-żwieġ ma jfallix, imma biex minn jum għal ieħor, u fl-istaġuni differenti tal-ħajja taż-żwieġ, jikbru dejjem iżjed f’dik ix-xbieha ta’ mħabba u għaqda li hemm f’Alla, u li għaliha ġew imsejħin. 3. “Ħalluhom it-tfal Iż-għar jiġu għandi”. Mill-katekeżi dwar iż-żwieġ, San Mark jgħaddi għall-katekeżi dwar it-tfal. It-tfal huma l-frott taż-żwieġ; u meta ż-żwieġ jitfarrak, huma jkunu l-akbar vittmi. Ġesù jinqeda bil-perżenza tat-tfal biex isaħħaħ il-messaġġ tiegħu. Karatteristika tat-tfal hija l-fiduċja sħiħa lejn il-ġenituri. Ġesù jitlob l-istess fiduċja lejn il-Missier, li jsejjaħ lill-mara u r-raġel biex flimkien, u b’fiduċja fil-proġett ta’ Alla, iwettqu l-missjoni tagħhom. Xi ommijiet ressqu lit-tfal quddiem Ġesù biex iberikhom. Id-dixxipli ppruvaw ikeċċuhom minn ħdejn Ġesù. Id-dixxipli, f’dan l-Evanġelju, juru ruħhom tqal biex jifhmu lil Ġesù u l-loġika tas-Saltna ta’ Alla. Fi żmien Ġesù ma kinux jiġu ikkalkulati; imma għal Ġesù, it-tfal kienu l-mudell tal-atteġġjament li kellhom juru l-kbar quddiem il-Missier tas-Sema. Ir-reazzjoni ta’ Ġesù kienet waħda ta’ rabja. Hawn hu l-uniku post fl-Evanġelju skond San Mark fejn Ġesù jinkorla mad-dixxipli. Fit-Testment il-Qadim, tidher bosta drabi r-rabja ta’ Alla meta jara lill-fqar, il-preferiti tiegħu, esklużi mis-Saltna. L-istess rabja tidher f’Ġesù meta jara liż-żgħar jitwarrbu mill-preżenza tiegħu minn dawk li jgħidu li jridu jimxu warajh. Mhux biss, imma Ġesù jiggarantixxi s-Saltna liż-żgħar u lill-fqar u jagħmilhom mudell ta’ min irid jimxi warajh: “Għax tagħhom, u ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla”. “Min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex b’qalb ta’ tifel ċkejken ma jidħolx fiha.” Din hija dikjarazzjoni solenni min-naħa ta’ Ġesù. It-tfal huma ippreżentati, anki fl-Evanġelji l-oħra, bħala l-mudell u l-kundizzjoni biex wieħed jilqa’ u jidħol fis-Saltna. Għax quddiem Alla aħna lkoll “żgħar” u għandna nibqgħu “żgħar” - mhux fis-sena ta’ immaturità, imma fis-sens ta’ l-unika maturità - dik li tixraq lid-dixxipli ta’ Ġesù. Imbagħad ħaddanhom miegħu, qiegħed idejh fuqhom, u berikhom. Dan hu ġest ta’ ħlewwa u ta’ solidarjetà sħiħa min-naħa ta’ Ġesù. Fl-Evanġelju ta’ San Mark Ġesù jħaddan biss lit-tfal. Fihom jara t-tip tad-dixxiplu veru, kif se nkomplu naraw fil-Ħdud li ġejjin. L-Evanġelju għal ħajjitna llum 1. San Mark qiegħed il-katekeżi dwar iż-żwieġ fit-triq ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, fejn kellu jbati, imut u jqum mill-mewt. Is-salib huwa dejjem preżenti fit-triq ta’ Ġesù u fil-ħajja ta’ min irid jimxi warajh. Fuq is-salib Ġesù wkoll ġarrab il-falliment, bħalma jistgħu jġarrbuh, xi darba jew oħra, ukoll dawk li jħobbuh. Iżda din hija l-Aħbar it-Tajba, Ġesù ġarrab is-salib b’fedeltà sa l-aħħar lejn il-proġett tal-Missier, u l-Missier qajmu għal ħajja ġdida. Il-fatt li l-Evanġelju jqiegħed il-katekeżi dwar iż-żwieġ f’din it-triq, jagħti lill-miżżewġin Insara t-tama u l-kuraġġ biex, f’għaqda ma’ Ġesù, anki fil-falliment u fis-salib, ikunu jistgħu jinfetħu lejn bidu ġdid. U hekk, l-inbid ta’ wara jkun itjeb minn ta’ l-ewwel, bħalma ġara fit-tieġ ta’ Kana (Ġw 2,1-10)!. 2. L-Evanġelju tal-lum jgħallimna li, kemm il-miżżewġin u kemm l-operaturi fil-pastorali tal-koppja, ma jistgħux jingħalqu f’liġijiet u f’moraliżmi. Il-miżżewġin għandhom jikbru fi spiritwalità ta’ għotja u ta’ fiduċja f’Alla u f’xulxin, li tagħmilhom “ġisem wieħed u ruħ waħda fi Kristu”. Hekk il-ħajja miżżewġa ssir għajn ta’ qdusija u ta’ disponibbiltà lejn il-ħajja, ikunu xi jkunu l-limitazzjonijiet. Din hija l-mixja tal-fidi li l-Mulej qiegħed isejħilhom għaliha. Din il-mixja trid tibda minn qabel iż-żwieġ u tibqa’ sejra fl-istaġuni kollha tal-ħajja tal-koppja. 3. Mhux faċli tgħix din l-ispiritwalità f’kultura individwalista u konsumista bħalma hi tagħna llum. Kultant dan jitlob eroiżmu. Għalhekk il-ħajja tal-miżżewġin Insara għandha bżonn li tiġi sostnuta kuljum: bis-smigħ u l-qari attent tal-Kelma li ddawal l-esperjenzi tal-ħajja; bit-tisħib fl-Ewkaristija u fis-Sagrament ta’ rikonċiljazzjoni; bl-għajnuna ta’ xulxin u bl-appoġġ tal-Komunità Nisranija.
|
|