|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia KIF ĦABBNI MISSIERI, ĦABBEJT LILKOM |
|
|
Sena B - IS-SITT ĦADD TA’ L-GĦID
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Ġwann.
(15:9-17)
Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun
fil-milja tiegħu. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif
ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti
ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom.
Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu;
sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajtu mingħand Missieri jiena
għarrafthulkom.
|
Fil-qari tal-Ħadd li għadda, meħud mill-istess evanġelju, is-silta li hemm immedjatament qabel din tal-lum, Kristu qabbel lilu nnifsu mad-dielja vera u wissa lid-dixxipli tiegħu li jekk jinqatgħu minnu ma jistgħu qatt jagħmlu l-frott. Illum qed ifisser liema huwa dan il-frott, li b’mod naturali joħroġ minn dawk kollha li jibqgħu magħqudin miegħu – l-Imħabba. Li nħobb lil Alla b’qalbi kollha, b’ruħi kollha u bil-ħsibijiet tiegħi kollha u li nħobb lill-proxxmu tiegħi bħali nnifsi. F’dan huwa kull kejl ta’ ħajja tassew nisranija. Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien – Kull imħabba vera trid tibda minn Alla u trid tkun imfassla fuq l-imħabba tiegħu għalina. Għalhekk irid ikollha dawk il-kwalitajiet kollha li hemm fl-imħabba tiegħu. Li taf tistabar u tħenn, li ma tkunx għajjura, li ma tintefaħx biha nfisha u ma titkabbarx fuq l-oħrajn, li ma tagħmilx dak li mhux xieraq, li ma tfittixx dak li hu tagħha, li ma tinkorlax, ma żżommx f'qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità, li tagħder, li temmen, li tittama, li tissaporti. Dan huwa l-frott li ftit, ftit nibdew nipproduċu jekk nibqgħu maqgħudin ħaġa waħda ma’ Kristu – id-dielja vera. Din hija l-imħabba li ma tintemm qatt għax mhix ġejja minna nfusna imma mill-Missier u permezz ta’ Kristu. Il-ferħ tiegħi jkun fikom – It-tixbieħa tad-dielja tfakkarni ħafna fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana. Hemmhekk ukoll Ġesù wera lilu nnifsu bħala d-dielja meta l-ilma li tawh il-qaddejja, huwa bidlu f’inbid li jferraħ. “Spiċcalhom l-inbid.” Tgħid illum Marija għadha qed terġa tgħid lil Ġesù, dan l-istess diskors għalina? Spiċcalhom l-inbid ifisser spiċċalhom il-ferħ veru, l-hena tassew. U hawn Ġesù qed igħidilna, “Jekk tibqgħu fl-imħabba tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin, il-ferħ tiegħi jkun fikom fil-milja tiegħu.” Propju bħal fit-tieġ ta’ Kana, il-ġarar kienu mimlija sax-xifer. Ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott – Mhux qaddejja imma ħbieb. Hekk ħabbna Ġesù li minkejja li ma kellu bżonn lil ħadd biex iwettaq il-missjoni tiegħu, imma fl-imħabba tiegħu għalina xtaq li dak x-xogħol tiegħu jaqsmu magħna. Il-frott li kapaċi jipproduċi huwa biss, ried iwettqu permezz tagħna. Għalfejn? Biex lilna wkoll imissna sehem minn dik il-glorja li kienet tiegħu qabel ma saret id-dinja. Il-kundizzjoni tibqa’ dejjem l-istess – ibqgħu fija u ħalluni nibqa’ fikom. Kif nibqa’ fi Kristu fit-tielet millennju? – Kultant espressjoni bħal nibqa’ magħqud ma’ Kristu, tista’ tkun wisq fl-arja jekk ma narawx eżatt xi tfisser fil-prattika għalina li qed ngħixu llum. Jekk nemmen li kif qal San Pawl, il-Knisja hija l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, allura nistgħu ngħidu li l-Knisja llum hija l-preżenza ħajja ta’ Kristu fis-soċjetà ta’ żmienna. Minn dan joħroġ li “magħqud ma’ Kristu” tfisser magħqud mal-Ġisem tiegħu – il-Knisja. U dan b’mod li l-frott tiegħi isir ta’ l-oħrajn u dak ta’ l-oħrajn ingawdi minnu jiena wkoll. Huwa hekk biss li l-istess Ġisem u Demm ta’ Kristu jistgħu jitwaħħdu fija; ġismu jsir ġismi u demmu jibda jiġri fil-vini tiegħi. L-istess kif l-ilma li jgħaddi miz-zokk tad-dielja jmur fil-friegħi biex imbagħad mill-frott jinbidel f’inbid. Huwa għalhekk li l-Iben ta’ Alla ħa fuqu l-umanità tagħna biex lilna jseħibna fid-divinità tiegħu. Huwa b’dan il-mod li rrid nifhem kliem Ġesù, “Għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kull ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom.” Dan hu l-kmandament tiegħu, li aħna nħobbu lil xulxin. |