|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia IL-MULEJ KIEN JAĦDEM MAGĦHOM |
|
|
Sena B - TLUGĦ IL-MULEJ FIS-SEMA
Għeluq
mill-Evanġelju ta’ San Mark.
Mk 16, 15-20 |
Ġesù wera ruħu lil ħdax – Kultant nistaqsi lili nnifsi, “Min jaf għaliex, wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesú wera ruħu biss lil dawk ta’ madwaru? Forsi kieku wera ruħu lid-dinja kollha ma kienx ikun aktar faċli biex il-bnedmin jemmnu fih? Din mhix xi domanda oriġinali din tiegħi ghaliex fl-evanġelju ta’ San Ġwann insibu li Ġuda, mhux l-Iskarjota – kellu l-istess kurżitá. “Mulej”, qallu, “din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?” (Ġw. 14:22) Dakinhar, Ġesú donnu ħarab milli jagħti risposta diretta u għalhekk min jaf kemm, fost l-ewwel insara, kien hemm min kien staqsa l-istess. “Għaliex Ġesù Irxoxt wera lilu nnifsu biss lil ftit persuni u mhux lil kulħadd? Kieku raw miraklu bħal dan, forsi mhux kulħadd kien jemmen?” Matul il-ħajja ta’ Ġesù fuq l-art, kienu bosta dawk li raw il-mirakli tiegħu. Kienu jarawh ifejjeq il-morda, jagħti d-dawl lil għomja u s-smiegħ lit-torox. Aktar minn ħamest elef kienu preżenti għall-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Il-Fariżej infushom kienu jafu bil-miraklu tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Minkejja dan huma mhux biss ma emmnux f’Ġesù imma minn dak inhar ħraxu kontrih u ippruvaw joqtlu lil Lazzru wkoll. Forsi l-għases Lhud ma rawx b’għajnejhom dak li seħħ mal-qawmien. Minkejja dan xorta marru jgħidu, “Ġew id-dixxipli tiegħu bil-lejl u serquh waqt li konna reqdin.” (Mt. 28:13) Dan kollu juri li għakemm it-turija tal-mirakli tista’ tgħin biex tikber il-fidi, imma għal min ma jridx jemmen, ebdà sinjal mhu biżżejjed. Madankollu l-qari li għandna llum, jitfa dawl ieħor. Ġesù, li ma kellu bżonn lil ħadd u li kieku ried setgħa faċilmet wera lilu nnifsu lid-dinja kollha, ried li l-missjoni li kien beda hu, jaqsamha ma’ dawk li emmnu fih; l-appostli, id-dixxipli, aħna li niffurmaw il-Knisja tiegħu. U dan biex huma u aħna wkoll jkollna sehem mill-glorja tiegħu. Fi tmiem il-ġrajja tal-mara Samaritana, insibu li Ġesù qal lid-dixxipli, “Jien bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom.” (Ġw. 4:38) Forsi mhux huwa kien dak li sar bniedem u ħalla ħajtu biex isalva l-poplu kollu? U issa, fl-imħabba tiegħu, irid li d-dixxiplu jaħsad dak li tħabat għalih l-Imgħallem. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba – Kien għalhekk li qabel ħallihom, Ġesù tahom il-missjoni li jxandru dak li kien diġà twettaq. Il-ħidma wettaqha Hu. Id-dixxiplu jrid biss iħabbarha mad-dinja kollha; lill-popli ta’ kull ġens u ta’ kull żmien. U l-Bxara t-Tajba hija din, li Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. (Ġw. 3:16) Il-Bxara t-Tajba hija li lil dan Ġesù, li aħna sallabna minħabba dnubietna, Alla qajjmu mill-imwiet u għamlu Mulej u Messija. (Atti 2:32, 36) Għalhekk ma kienx lil dawk biss li lilhom wera ruħu, li Ġesù fada din il-missjoni. Lill-ewwel insara li emmnu nhar Għid il-Ħamsin, Pietru qalilhom, “Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha il-Mulej Alla tagħna sejħilhom.” (Atti 2:39) Min jemmen u jitgħammed, isalva - Dak in-nhar li bagħthom bil-Bxara t-Tajba, Ġesù wissihom, “Min jemmen u jitgħammed, isalva imma min ma jemminx ikun ikkundannat.” Fl-ittra lir-Rumani, Pawlu jistaqsi, “Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (10:14) Minn dan toħroġ ir-responsabbiltà kbira ta’ kull min huwa mgħammed f’isem il-Mulej Ġesù. Jeħtieġ li nkunu dawl għal min huwa fid-dlam. Jeħtieġ li nkunu xhieda għal minn ma jafx. Min b’mod u min b’ieħor, kull wieħed u kull waħda minna, kollha kemm aħna għandna l-missjoni li nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent żgħir tagħna; fid-dar, fuq ix-xogħol, għand tal-ħanut, fit-triq, f’kull post tad-divertiment. Mulej kien jaħdem magħhom – U hawn hu l-vers kruċjali ta’ dal-qari. Għaliex Ġesù ma marx lura għand Missieru u ħalla kollox nofs leħja. Minkejja li kien imtella’ s-sema u qagħad fuq n-naħa tal-lemin ta’ Alla, madankollu hu baqa’ preżenti u jaħdem fil-Knisja tiegħu. Għax il-missjoni mhix tad-dixxiplu imma ta’ l-Imgħallem. U fis-sehem żgħir li ġie fdat lilu, id-dixxiplu jrid kontinwament iżomm dan quddiem għajnejh. Gwaj għalija jekk naħseb li dak li qed inwettaq huwa tiegħi jew li fih qiegħed waħdi. Iva, Ġesù għadu magħna u l-missjoni għadha tiegħu. Huwa għadu kontinwament jaħdem magħna u jwettaq il-Kelma bil-mirakli li jsiru magħha. Bosta minnhom ma narawhomx jew forsi ma nintebħux bihom. Imma Hu jaf. U dawk li f’qalbhom tkun intefgħet iż-żerriegħa jafu wkoll. |