|
Mbagħad Ġesù
qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma
jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien
jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F'dik il-belt kien
hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq
kontra l-għadu tiegħi.' Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad
bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se
nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni;
ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra tiksirli rasi.' U
l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin. Mbagħad
Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma
jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?
Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li
Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (Lq 18:1-8)
U allura forsi
jkun hemm min jistaqsi, “Mela t-talb lil Alla, ksir ir-ras?”
Altru li mhux
hekk. Kristu jgħid: “Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin.”
Mela huwa l-imħallef il-ħażin li jimxi b’dan il-mod. Darba,
f’kuntest simili Ġesù kien qabbel lil Alla ma’ missier ta’ din
id-dinja u qal, “Jekk intom, nies ħziena tafu tagħtu lil uliedkom
ħwejjeg tajba, kemm aktar Missierkom li hi fis-smewwiet jagħti
ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?” (Mt 7:11) Li qed jipprova
jagħmel Kristu fiż-żewġ każi huwa li jgħidilna li jekk aħna, nies
ħżiena wkoll kapaċi nagħmlu t-tajjeb, kemm aktar Alla!
Imma għaliex
il-persistenza fit-talb? Għaliex aħna mħeġġin nkunu perseveranti?
Ma naqtgħux qalbna, imma nibqgħu nitolbu?
Ħafna drabi aħna
nkejlu l-effikaċja tat-talb mir-riżultat li jidher li niksbu. Jekk
jiena nintebah li qlajt dak li tlabt, allura t-talb tiegħi kien
tajjeb għax ħalla l-frott. Jekk le allura nikkonkludi li kien
ħażingħaliex minn dak li jidher, ma ksibt ebda riżultat.
Imma l-qawwa
tat-talb, mhix fir-riżulktat li minn barra jidher li nkun ksibt.
Il-qawwa tat-talb huwa minnu nnifsu. Mill-fatt li jiena qiegħed
inkun direttament f’kuntatt ma’ Alla nnifsu. U allura, jekk niksibx
eżattament dak li tlabt jew le huwa rrelevanti. Għaliex ħadd qatt ma
jista’ jidħol f’kuntatt dirett ma’ Alla u ma jiksibx ħwejjeġ kbar.
Huwa jiena nista qatt noħroġ fix-xemx u ma nisħonx? L-istess
it-talb. Huwa espożizzjoni tal-bniedem għas-sħana divina ta’ Alla.
Sħana li tħeġġeġ ir-ruħ u tkebbes il-qalb. U għalhekk kemm jekk
naqla, kif ukoll jekk ma naqlax dak li nikseb, xorta waħda għandi
nippersevera fit-talb tiegħi. “Itolbu bla ma tieqfu.” (Ef 6:18)
Għalhekk,
il-perseveranza fit-talb mhix biex trattab qalb Alla jew iddawwarlu
ħsiebu. Alla huwa mħabba u ħniena bla qjies. Il-provodenza tiegħu
hija bla tarf. Fuq kollox Alla qatt ma jista jibdel ħsiebu għax Alla
ma jinbidilx.
Minflok,
il-perseveranza fit-talb qegħda propju biex trattab ras il-bniedem u
tħejjih aħjar biex ikun jista’ jilqa’ l-grazzji kbar li Alla ħejja
għalih sa mill-eternità. Il-perseveranza fit-talb qegħda biex ftit,
ftit terġa tifforma fina dik l-imaġni divina li tlifna bid-dnub.
Tgħina biex ftit, ftit, insiru nixbħu lilu, f’dak li nagħmlu, f’dak
li nixtiequ, f’dak li nitolbu. Tagħmel minna mixtla fertili biex
fiha tixxettel u tikber iż-żerriegħa tal-fidi, li Kristu nnifsu tant
fittex f’dawk li kienu jersqu jitolbuh.
Forsi kien
għalhekk li Ġesù għalaq ir-rakkont tiegħu b’dik id-domanda: “Imma
taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”
|