Nadurawk, Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh: “Int is-sultan tal-Lhud?” U Ġesù wieġbu:

“Inti stess qiegħed tgħidu.” Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn.  Għalhekk Pilatu qallu: “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?” Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.

Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi lin-nies, lil min iridu huma.  Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba.  Mela kif kienu miġburin, Pilatu qalilhom: “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew ’il Ġesù li jgħidulu l-Messija?” Għax hu kien jaf li kienet il-għira li ġagħlithom jagħtuh ’il Ġesù f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu: “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.”

Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh jagħtihom ’il Barabba u jeqirdu ’l Ġesù.  Il-gvernatur mela reġa’ staqsiehom: “ Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?” Qalulu: “Lil Barabba.” Qalilhom Pilatu: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?” Weġbuh ilkoll: “Sallbu!” Hu staqsiehom: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew igħajtu u jgħidu: “Sallbu!”

Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għalxejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewixta, qabad u ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: “Jien miniex ħati ta’ dan id-demm; dan arawh intom!” U l-poplu kollu qabeż u qal “Demmu fuqna u fuq uliedna!” Imbagħad telqilhom ’il Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

Mattew 27:11-26