www.tarxienparish.org

Kitba ta’ Patri Damjan Cachia, O Carm.  -  Pubblikazzjoni tal-Leħen is-Sewwa.

 

Inqalleb fl-internet, iltqajt  ma’ dawn il-mija u wieħed (101) twemmin stramb tal-Ġeħova. Mela ġiet f’idejja folja, biex tistieden għal-laqgħa ta’ dawn ix-Xhieda, b’ittri kbar “SEGWI LILL-KRISTU”    kif miktuba minnhom (l-ortografija ħażina).

Mela, meta jridu, dawn ix-Xhieda jdeffsu lil Kristu. Nafu li għalihom Ġesù Kristu mhux ħlief bniedem storiku, li tassew eżista, imma ma jemmnux li hu bniedem u Alla.   Mela l-ewwel jagħmlulek il-lixka isemmulek lil  Ġesù,   u wara li jġibuk tirraġuna kif  iridu huma, ħelu ħelu twarrab lil Ġesù u l-veritajiet mgħallma minn Ġesù stess.

Minħabba t-tul l-ewwel nikteb x’jemmnu huma u taħt nuri l-qerq, minkejja li jiġu bil-Bibbja f’idejhom. Imeru lill-istess Bibbja li biha jippruvaw jobormu lil ħafna msejknin.

 

 

1. Alla mhux Trinità

Risposta:   L-eżistenza tat-Trinità Divina,  Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, insibuha f’diversi siltiet tat-Testment il-Ġdid: (1) il-Magħmudija ta’ Ġesù (Mt. 3,16,  Mk 1, 12-13,  Lq. 4, 1-13); 2)  fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (Mt. 17, 7,    Mk 9 2-13, Lq. 9, 28-36); 3) Ġesù wara l-qawmien jagħti s-setgħa lill-Appostli: “Morru, mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu  (Mt. 28, 19,  Mk 16, 14-18, Lq. 24, 36-49, Ġw. 20, 19-23,  Atti 1, 6-8).

“Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija?” (Ġw.14, 10). Ġesù jwiegħed li se jmur għand il-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu (Ġw.14, 15). Ġesù jitkellem fuq il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu (Ġw. 15, 5).

 

2. Id-duttrina fuq it-Trinità hija mnebbħa minn Satana

Risposta: Mela jiġu bil-Bibbja f’idejhom, dak li għidt fin-numru 1,  hu tagħlim tal-Bibbja mgħallem minn Ġesù. It-tagħlim fuq it-Trinità Qaddisa mgħallem minn Ġesù nsibuh fil-Bibbja.   Kif ivvintawha li mnebbaħ minn Satana?

 

3. Ġesù Kristu huwa maħluq,  xi darba ma kienx jeżisti:

Risposta: Fil-Bibbja li jġorru magħhom hemm ċar li Ġesù huwa Alla u Bniedem. Bħala Alla huwa etern flimkien mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu.   Bħala bniedem,  beda jeżisti malli kien imnissel minn Marija Verġni. Bħala Alla Ġesù għamel il-mirakli, ħafer id-dnubiet u qam mill-mewt. Bħala Bniedem kien kollox bħalna barra d-dnub, għalhekk, beka, kiel, straħ, raqad, bata, għejja  eċċ.

 

4. L-Ispirtu s-Santu mhux persuna iżda l-qawwa attiva ta’ Alla (bħal-liġi tal-gravità jew elettriċità).

Risposta: Naturalment jinterpretaw il-Bibbja kif iridu  huma.   Persuna hija esseri jew eżistenza, li għandha intelliġenza, rieda u ħidma. L-anġlu, bħax-xitan huma persuna, għax għandhom intellett, rieda u jaħdmu. Jiena u int aħna persuna, għax għandna l-intellett u r-rieda u naħdmu. Aħna persuni umani. F’Alla hemm tliet Persuni Divini. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Għalkemm Ġesù hu Alla u bniedem, imma Persuna waħda — dik Divina.  L-istess dak li għidt fuq, fin numru wieħed, jgħodd għal hawn, għax naraw l-Ispirtu s-Santu bħala persuna b’rieda, intelliġenza u li jaħdem.

 

5. Il-Ġenna hija biss għax-Xhieda ta’ Ġeħova.

Risposta: Ma jridx ikollok intelliġenza speċjali biex tifhem il-bluha ta’ din. Allura dawk li ġew qabel l-1872 (Charles Taze Russell għex 1852-1916) fejn marru? Il-Bibbja li jġorru f’idejhom li titkellem fuq Abraham, Mosè, Ġakobb, Ġwanni l-Battista,  fejn marru?

 

6. Il-Ġenna hija biss għal 144,000 Xhieda ta’ Ġeħova

Risposta: Mela San Ġwann  iktar minn elfejn sena ilu kitbilna fil-Bibbja li ra 12-il elf minn kull tribù ta’ wlied Iżrael. Mela 12,000 għal 12 jagħmlu  144,000. Għax ma jafux il-Bibbja, jinterpretawha ħażin.    Mela skond huma l-ġenna ilha mimlija iktar minn elfejn sena. U jekk mimlija għalfejn qegdin jitħabtu jiġbdu n-nies warajhom? U intom msieken Maltin, jekk il-ġenna hija mimlija bix-Xhieda ta’ Ġeħova, għaliex qegħdin tħallu ’l Ġesù li jgħid: “fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar” (Ġw. 14, 2)?  

 

7. Ix-Xhieda ta’ Ġeħovah  huma biss tassew Kristjani

Risposta: Kristjani tfisser segwaċi ta’ Kristu. Tkun segwaċi meta taċċetta u timxi fuq it-tagħlim kollu ta’ dak li inti tkun qed issegwi. Meta Ġesù sejjaħ lill-Appostli u lil ħafna fi żmien li kien fid-dinja, u tul iktar minn elfejn sena lil  tant qaddisin, dawn ħallew kollox,   imxew u pprattikaw it-tagħlim tiegħu.    Il-Martri ċarċru demmhom biex ma jiksrux xi tagħlim jew prinċipji li għallem Ġesù.     Bil-Magħmudija nsiru Kristjani… segwaċi ta’ Kristu, imma bil-magħmudija mwaqqfa minn Ġesù li  hija sagrament. Il-magħmudija tax-Xhieda ta’ Ġeħovah, avolja jintefgħu fil-baħar jew għadira, qatt ma tista' tkun sagrament, għax ma jemmnux fid-divinità ta’ Kristu.     Mela, ix-Xhieda  ma jistgħux ikunu KRISTJANI, għax iżommu biss dak li jaqblilhom minn Kristu.     Kristu jew sħiħ jew xejn.

 

8. M'hemmx infern (huwa sempliċement il-qabar)

Risposta: Araw dawk li jgħidu li huma Kristjani u ma jemmnux fit-tagħlim ta’ Kristu.     Jiżbaljaw… u dejjem bil-Bibbja f’idejhom!

Mit-Testment il-Qadim insemmi biss it-Tieni Ktieb tal-Makkabin, imma Ġesù kien iktar ċar fuq il-kastig ta’dejjem (l-Infern) Se nsemmi biss: “U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem”  (Mt. 25, 41-46).     Il-parabbola ta’ l-għani u Lazzru (Lq. 16, 19-31). “Aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern” (Mk. 9, 42-49).

 

9. M’hemmx ħajja wara l-mewt ħlief għal 144,000

Risposta:  Ma’ dak li  weġibt fin-numru 6, nista' nżid  li  għal dawk li huma diġà membri tas-setta ta’ l-hekk jissejħu Xhieda, joqogħdu attenti kemm diġà huma  salvi, għax jistgħu jibqgħu barra. Lil dawk li se jsiru membri, joqogħdu attenti li ma jkunx diġà full up! Daqshekk għandhom idea tajba ta’ Alla, li jillimitawlu l-ħniena tiegħu! Mela, dawk kollha li għexu qabel l-1872, li żgur ma kinux jagħmlu membri tas-setta tax-Xhieda, kienu   żgur  u  tassew xhieda ta’ JHWH. Eluf u eluf taw ħajjithom għal Kristu.

 

10. Is-salvazzjoni hija bl-opri tajba u mhux bil-grazzja.

Risposta: X’Bibbja hija li jiġu biha biex iħawdu l-imħuħ? Il-Bibbja tgħid: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fil-għemil tiegħu? Jaqaw tista' ssalvah din il-fidi?  Sa hawn naqblu, il-ħtieġa ta’ l-opri tajba. Imma min jagħti l-għajnuna biex nagħmlu l-opri tajba? Isimgħu l-Bibbja: “Ħ  add ma jista' jgħid: ‘Ġesù hu l-Mulej’ (1 Kor.12, 3) ‘jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu’. Mela, biex inlissnu kelma jinħtieġ l-għajnuna ta’ Alla, (grazzja) kemm ninħtieġu għajnuna għal dak kollu li nagħmlu? “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn  (Ġw.15 1-10).

 “Alla għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira  li biha ħabbna…. tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu — bi grazzja intom salvi”, (Ef. 2, 4). “Alla li jeqfilhom  lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja tiegħu. Alla jagħti kull grazzja, li sejħilkom għall-glorja tiegħu ta’ dejjem, hu nnifsu jerġa' jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom, iqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem. Amen.” (1 Pt. 5, 5-11).

Min irid ikun jaf kemm hi meħtieġa l-grazzja ta’ Alla, li mingħajrha la nistgħu ngħixu, naħsbu jew naħdmu, wisq iżjed li nimmeritaw, jaqra l-Ittri ta’ San Pietru u San Pawl .

Tassew li x-Xhieda ta’ ġeħovah (mhux żball li  l-ġ ittra żgħira) jistudjaw dak li jaqbilhom u jinterpretawha kif jaqblilhom.

Mela tal-ġeħovah jirraġunaw: tista tagħti karità jew tgħin lil min fil-bżonn, u ssalva mingħajr il-grazzja, u dan hu żball kbir. 

 

11. Int ma tistax tkun ċert mis-salvazzjoni.

Risposta: Kif ipoġġuha tax-Xhieda, tista' taqta' qalb dak li jkun. Tassew li ħadd ma jista' jkun ċert mis-salvazzjoni jekk ma jkollux xi rivelazzjoni minn Alla. L-appostli kienu ċerti mis-salvazzjoni għax il-Mulej kien wegħedhom li fejn ser ikun hu se jkunu huma. Darb’oħra qalilhom jifirħu mhux għax ikeċċu x-xjaten imma għax isimhom hu miktub fis-smewwiet. Luċija biex insemmi waħda, kient ċerta li se tmur il-ġenna, għax wegħditha l-Madonna. U aħna għalkemm m’aħniex ċerti, imma għandna tama qawwija li l-mezzi li tana Ġesù, is-Sagramenti, it-Talb, is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa il-Liturġija jgħinuna biex insalvaw, għax minkejja n-nuqqasijiet tagħna, għandna fiduċja fl-imħabba infinita ta’ Ġesù.

 

12. Lil Ġesù la għandna nitolbuħ u lanqas inqimuh.

Risposta: Tinsewx li tax-Xhieda dejjem jiġu għandkom bil-Bibbja. It-twemmin stramb tagħhom, faċli li twaqqagħhulhom bl-istess Bibbja li jiġu biha.

Mela niġi għar-risposta: “Jiena huwa t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħ  add ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija” (Ġw. 14, 6). “Dak kollu li titolbu lill-Missier f’ismi, hu jagħtihulkom (Ġw. 16, 23). “…biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben, bħalma jagħti ġieħ lil Missieru min ma jagħtix ġieħ lill-Iben, lanqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu” (Ġw. 5, 23). Tindunaw li twemminhom hu kontra l-Bibbja.

 

13. Ġesù ma qamx mill-mewt bil-ġisem imma bħala spirtu.

Risposta: Din hija kontradizzjoni ta’ dak li jgħidu fin-numru 15. Għalxejn noqgħod insemmi kull darba kemm ma jafux il-Bibbja. Mela l-Bibbja tagħhom ma fihiex li Ġesù kiel? (Ġw. 21, 11), ma fihiex li Tumas ma riedx jemmen jekk ma jarax u jmiss? (Ġw. 20, 24). Li wriehom li għandu laħam u għadam (Lq. 24, 40). L-erba' Evanġelisti jsemmu l-qawmien ta’ Ġesù għax dan huwa l-ikbar prova tad-divinità ta’ Ġesù.

14. M’għandekx tkun inkoraġġit biex tattendi xi kulleġġ.

Risposta: Stramba tassew! Naħseb li dawn ix-Xhieda iktar isibu art tajba fejn m’hemmx tagħlim. Dan diġà juri kemm ifittxu li jaqilbu magħhom nies ta’ ftit skola.

 

15. L-ewwel qawmien seħħ fl-1918.

Risposta: Il-Bibbja ilha fuq elfejn sena li qaltilna li Ġesù qam mill-mewt. Huma la jgħidulna min qam, la jgħidulna fejn sar dan il-qawmien, u lanqas wara l-qawmien ta’ dan ix-xi ħadd x’sar minnu wara? Peress li ċ-ċans li jsalvaw għalihom huwa 144,000 jista' jkun li ma sabx fejn joqgħod!  Msieken!

 

16. Il-mexxejja (pastors) huma l-“Antikrist”.

Risposta: Liema mexxejja huma l-antikristi? Reliġjużi jew ċivili? U jekk reliġjużi, allura tagħhom huma antikristi għax huma wkoll għandhom il-pastors tagħhom, il-mexxejja. Fi kwalunkwe għaqda jew soċjetà jrid ikun hemm minn imexxi. Attenti li ma jkunux huma l-antikristi li minnhom jitkellem San Ġwann (1 Ġw. 2,18). Isimgħu min huma l-antikristi skond il-Bibbja: “Għax ħarġu ħafna fid-dinja, ħafna qarrieqa, nies li ma jridux jagħrfu li Ġesù Kristu ġie bil-ġisem ta’ bniedem. Jekk xi ħadd jaqbeż ’il barra u ma jibqax fit-tagħlim ta’ Kristu, dan ma għandux lil Alla fih” (2 Ġw. 9).

Rigward is-setgħa ċivili, il-Bibbja wkoll tgħid biex nobduha: “Għall-imħabba tal-Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-bnedmin: kemm għas-sultan bħala l-aqwa wieħed, u kemm għall-gvernaturi.” (1 Pt. 2, 13).

 

17. Il-Knejjes kollha huma tax-xitan.

Risposta: Jgħidu l-knejjes kollha. Tax-Xhieda mhumiex knisja imma setta. Is-setta jiena nqisha bħal fost it-tfal ta’ familja jkun hemm wieħed, li jirribella u jivvinta kontra l-istess familja tiegħu, allura ma jibqax magħqud mal-familja.

Charles Taze Russell, li kien membru tal-knisja protestanta, irribella u vvinta u ħawwad it-tagħlim ta’ l-Evanġelju. Il-Knejjes kollha jiċħdu lil Satana. Issa naraw xi tgħid il-Bibbja tas-sinjuri Xhieda: “Kif jista' x-xitan ikeċċi x-xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa” (Mk. 3, 22-30).

 

18. Il-gvernijiet kollha huma mmexxija minn Satana.

Risposta: Ħ  add ma jista' jkun immexxi minn Satana jekk dak li jkun ma jkunx irid. Is-setgħa ta’ Satana fuq il-bniedem, tkun jew għax il-bniedem irid li jkun immexxi minn Satana, jew għax ikun irid jogħdos fil-ħażen. Kif il-gvernijiet, hekk ukoll kull għaqda jew individwu, Satana ma kien ikollu ebda setgħa kieku jagħmel dak li jrid Alla. Kif il-gvernijiet jew individwi. Issa l-Bibbja li jgħidu li jemmnu fiha… tgħid: “Alla lil xi wħud qegħidhom fil-Knisja, jagħti diversi doni fosthom it-treġija (jiggvernaw)” (1 Kor. 12, 28). “Għall-imħabba tal-Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-bnedmin, kemm għas-sultan, li hu l-aqwa wieħed u kemm għall-gvernaturi” (1 Pt. 2, 14).

 

19. Ma tistgħux tagħtu d-demm…

Risposta: Tax-Xhieda, minkejja li ilhom jeżistu xi mija u tletin sena, jinterpretaw il-Bibbja bħal 4000 sena ilu. Fi żmien Mosè u tul it-Testment il-Qadim kollu, id-demm kien ifisser il-ħajja (Ġen. 9, 4). Kien hemm ukoll liġi li ma tistax tiekol id-demm jew laħam bid-demm, (Dt. 12, 16; 15, 23; Lev.17, 12). Id-demm kien ta’ importanza għas-sagrifiċċju tal-Lhud, (Eż. 24, 3-8), kien jintuża fil-konsagrazzjoni tas-saċerdoti, (Eż. 29) u ta’ l-artali (ib. 43) għat-tpattija tad-dnubiet (Lev. 1, 5; 11, 4) u l-bqija. Dan il-Lhud m’għadhomx jagħmluh u għalina li nemmnu tassew fil-Bibbja, id-demm sab il-milja tat-tifsira tiegħu meta Ġesù xerred demmu għalina. Kif jinterpretaw il-kapitli 9, 10, 12, u 13 ta’ l-Ittra lil-Lhud?

 

20. Ma tistax tkun pulizija

Risposta: L-istramberiji tax-Xhieda mhumiex biss reliġjużi, imma wkoll soċjali u ċivili. Il-Pulizija huma nies li għandhom is-setgħa li jżommu l-ordni skond il-liġijiet u sakemm il-liġi tippermettilhom. Għandhom ikunu l-ħbieb taċ-ċittadini, kif naħseb li l-parti l-kbira huma. Iridu jaddattaw ruħhom għal kull tip ta’ xogħol u sagrifiċċju. Immaġinaw pajjiż bla pulizija. U jekk lil tax-Xhieda jisirquhom, għand min imorru? U jekk xi ħadd jagħmel ħsara lil xi membru tax-Xhieda, fejn jirrikorru għall-għajnuna?

 

21. Ma tistax issellem il-bandiera, tibqa' wieqaf għall-innu tan-nazzjon u jkollok bandiera.

Risposta: Il-Bandiera tan-nazzjon, skond il-filosofija hija sinjal konvenzjonali. Hemm sinjali naturali, bħal meta jkun hemm ħuġġieġa jitla' d-duħħan, jekk id-dielja tibda ttella’ l-weraq ifisser li ġej is-sajf. Hemm sinjali konvenzjonali, ivvintati mill-bniedem biex jiftiehem. Minn dawn il-bniedem għandu bl-eluf, fosthom il-bandiera. Il-Bandiera tfisser xi ħaġa. Fil-każ tagħna, il-Bandiera Bajda u Ħamra tfisser in-Nazzjon Malti. U meta nuri rispett lejn il-bandiera, mhux lill-bandiera nkun qed nirrispetta imma lin-nazzjon li tirrappreżenta. Possibbli min kapaċi jgħodd sa l-għaxra, ma jindunax b’dawn ir-ridikulaġni!

 

22. Ma tistax isservi fil-militar.

Risposta: Jekk il-militar huwa magħmul biex jiġġieled lil nazzjonijiet oħra, jew biex jokkupa nazzjonijiet oħra, jew biex jiddefendi lil min hu fis-setgħa bla dritt, jew biex jitwettqu l-inġustizzji, iva m’għandekx tissieħeb miegħu. Imma jekk il-militar qiegħed biex jiddefendi lilu nnifsu minn aggressuri, biex iżomm l-ordni, iħarreġ lin-nies għall-emerġenzi u mitt ħaġa oħra, min iservi fil-miltar jagħmel ħaġa tajba.

 

23. Ma tistax tixtri gallettini mingħand tifla guide (girl guide)

Risposta: Emmnuni ma nistax nagħti risposta. Ma naħsibx li l-girl guides jew boy scouts, huma xi għaqda ta’ xi nies ta’ barra minn hawn. Mill-esperjenza fqira li għandi ta’ din l-għaqda internazzjonali dejjem smajt kemm tibni lill-membri tagħha b’karattru sod ta’ ċittadini serji.

 

24. Trid tattendi ħames laqgħat fil-ġimgħa

Risposta: Ħ  ames laqgħat fil-ġimgħa tfisser ħafna. Tfisser kemm jieħdu ħin biex idaħħlulhom f’moħħhom dawn l-istramberiji. Ifisser li ma jħallulhomx ħin li jiltaqgħu ma’ xi għaqdiet oħra. Ifisser li ma jħallulhomx ħin jaħsbu ħaġ’oħra.

 

25. It-tieni miġja ta’ Ġesù seħħet fl-1914 (magħrufa biss mix-xhieda)

Risposta: Ir-raġuni (filosofija) tgħid li jekk tgħid xi ħaga bla tipprova, tista' tiċħadha mingħajr ma tipprova. Il-fatt li m’għandhom l-ebda prova, hija prova biżżejjed li tiċħad dak li jgħidu. U xi tgħid il-Bibbja li jġorru f’idejhom? Aqraw: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu” (Mt. 25, 31-46). “Dan Ġesù li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jigi kif rajtuh sejjer” (Atti, 1, 11).

 

26. Ma tistax tiżżewweġ lil min mhux Xhieda ta’ Ġeħovah

Risposta: Din mhix stramba għall-aħħar. Xi reliġjonijiet jew għaqdiet għandhom liġijiet rigward iż-żwieġ tal-membri tagħhom. Naf min telaq il-familja biex beda relazzjoni u bena familja oħra bil-barka tax-Xhieda. Lanqas dan ma jafu xi tgħid il-Bibbja kontra d-divorzju: (Mt. 5, 27; Mk. 6, 17).

 

27. Jekk xi ħadd ma josservax ir-regoli tal-Watchtower, għandu jkun imkeċċi.

Risposta: Din mhux talli mhix stramba, imma hija naturali, li min ma josservax ir-regolamenti tal-knisja, setta, għaqda li jkun fiha, m’għandux jibqa' meqjus li għadu membru.

 

28. Ma tistax taqra letteratura minn ħanut/librerija Kristjana.

Risposta: Mela skond din ir-regola, jekk hemm ktieb li għandek bżonnu għall-iskola, informazzjoni, jew għal xi ħtiega, għax ikun f’ħanut Kristjan ma tistax taqrah. Hawn ukoll insib kontradizzjoni f’dak li jgħidu u f’dak li jemmnu, għax Kristjan tfisser li jemmen u jimxi wara Kristu. Jiġu għandek taparsi biex timxi wara Kristu, imbagħad ibegħduk minnu, lanqas tixtri ktieb mingħand min jemmen fih!

 

29. Ma tistax tmexxi ġemgħa biex tfaħħar, iċċapċap lil xi ħadd

Risposta: Il-Bibbja, li jiġu biha tgħid: “Popli kollha, ċapċpu idejkom, għajtu bil-ferħ lil Alla” (Salm 47, 1). “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki” (Rum.12, 15). “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil. 4, 4). Sakemm nifirħu fil-Mulej m’hemm xejn ħażin.

 

30. Ma tistax tiċċelebra festa jew vaganza (bħall-Milied jew l-Għid)

Risposta: Ukoll hawn jiżbaljaw tax-Xhieda. Il-poplu Lhudi ċċelebra l-Għid fil-lejl tal-ħelsien. Biex insemmi biss il-kapitlu 23 ta’ l-Eżodu, li jitkellem fuq il-festi tas-Sibt, u ta’ l-Għid.  Ħ  a ngħid ċajta: dawk il-Maltin tax-Xhieda li jaħbtu xogħol f’festa jeħduha l-paga doppja?

 

31…Ma tistax tiċċelebra jum twelidek (il-birthday)

Risposta: Ma sibtx x’inhi r-raġuni ta’ din ir-regola. Hemm ħafna raġunijiet li jiena ma niċċelebrax jum twelidi, fosthom għax niftakar li qed nixjieħ, jew għax ma nħobbx il-festi u mitt raġuni oħra, imma mhux għax għandi xi twemmin jew dmir mill-Bibbja li biha jiddandnu tax-Xhieda.

 

32. Ma tistax tikkontesta u lanqas tkun fil-politika 

Risposta: Li ma tkunx fil-politika għax il-ħidma tiegħek ma tkunx kompatibbli, nammetti, imma għax li tkun fil-politika hija xi ħaġa ħażina, għandhom żball. Il-Bibbja tobbliga liċ-ċittadini li jobdu lis-sultan u l-gvernaturi (1 Pt. 2, 14;  1 Tim. 2, 2).

 

33. Ma tistax tivvota f’kampanja politika

Risposta: Li tivvota  huwa dritt u dmir. Bħala  dritt min jivvota jkun meqjus bħala ċittadin ħaj, galantom u f’sensih. Min mhux ċittadin, galantom u f’sensih ma jistax jivvota.  Bħala dmir, iċ-ċittadin onest u f’sensih jivvota għal min jaħseb li l-iktar jixraqlu. Ikun żball li ma jivvutawx għal min hu tajjeb, b’hekk jirbaħ  l-inqas tajjeb u inqas kompetenti. Dan huwa żball u ħsara  għas-soċjetà.

 

34. Ma tistax tkun ġurat

Risposta: Il-ġurati huma magħżula minn nies  ta’ kondotta tajba biex jgħinu lill-Imħallfin jaslu għal ġudizzju iktar ġust. Sakemm il-ġurati jagħmlu dmirhom tajjeb,   ikunu qegħdin jagħtu servizz lis-soċjetà.

 

35. M’għandekx tagħti karità ħlief għall-ħtiġijiet tal-Watchtower

Risposta: Jekk hemm xi ħaġa li hija kontra l-Bibbja, li dejjem iġorru magħhom ix-Xhieda hija li ma tagħtix karità: “Mela, meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek…” (Mt. 6, 2); “Agħtu u jingħatalkom…” (Lq. 6, 38); “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu  hu  minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor. 9, 7). Possibbli qatt ma ltaqgħu ma’ dawn tax-Xhieda?

 

36. Ma tistax tkellem li xi eks-membru tax-Xhieda.

Risposta:  Tgħid x’tista' tkun ir-raġuni għal din ir-regola? Naħseb li jibżgħu li dawk li ħallewhom, issa saru jafu l-Bibbja kif inhi u jibżgħu mill-verità.

 

37. Ma tistax taċċetta rigali tal-Milied.

Risposta:  Ir-rigali tal-Milied ifakkruna f’Ġesù Bambin jew fit-twelid ta’ Kristu. Issa tax-Xhieda jiġu għandkom bil-lixka… Imxu wara Ġesù… iżda fil-fatt dawn lil Kristu mhux biss neżżgħuh mid-divinità tiegħu, li hija ċara fil-Bibbja li huma jġorru magħhom, imma lanqas biss jixtiequ li jkun imfakkar. Biex inkunu sinċieri, tax-Xhieda lanqas lill-fundatur tagħhom  Charles Taze Russel ma jfakkru!

 

38. Għandek taqra u tistudja l-letteratura tal-Watchtower regularment

Risposta: Tax-Xhieda jisħqu ħafna fuq, li titgħallem bl-amment dak li jgħidu huma, u kif jinterpretaw huma. Għalhekk meta tagħmlilhom xi diffikultà jitħawdu.

 

39. Ix-Xhieda ta’ Ġeħovah  biss jistgħu jifhmu l-Bibbja

Risposta:  Din hija waħda mill-ikbar ħmerijiet tagħhom. Mela l-Bibbja bdiet tinkiteb 1600 qabel Kristu u spiċċat tinkiteb bejn  25/30 sena wara Kristu.  Mela dawk il-Patrijarki u l-Profeti li għallmu lill-Poplu Lhudi, dawk l-għorrief kbar li ġew wara Kristu skond ix-Xhieda ma fehmu xejn! Mela l-Bibbja bdew jifhmuha xi mitt sena ilu meta bdew tax-Xhieda minn Charles Russel, li ma kienx xi studjuż jew xi ġenju, bejjiegħ komuni tad-drappijiet… biex ngħid mill-inqas!

 

40. L-anġli  jmexxu l-organizzazzjonijiet tal-Watchtower

Risposta: Kulħadd jista' jgħid li jrid.    Minn fejn iġibu prova ta’ dan?  Il-Bibbja  li jġorru magħhom is-sinjuri   Xhieda tgħidilna x’inhuma u x’inhi l-ħidma ta’ l-anġli. Huma l-messaġġiera ta’ Alla. Huma l-ħbieb tal-bnedmin li jħarsuhom fil-mixja tagħhom lejn is-sema. Huma l-ħbieb ta’ Alla li dejjem jaraw wiċċ il-Missier.  Bilħaqq il-Bibbja titkellem fuq l-anġli ħżiena (Mt. 25, 41) biex insemmi test wieħed biss. Liema anġli jmexxu l-organizzazzjonijiet tax-Xhieda?

    

41. Ġesù ma mietx fuq salib iżda fuq arblu dritt.

Risposta: Bħal dejjem imsieken lanqas din ma sabu fil-Bibbja li jġorru f’idejhom. Is-salib kienet il-forka tar-Rumani għan-nies delinkwenti. Ġesù ried li jkun magħdud mad-delinkwenti, u dak il-ħin kien magħruf li hu Alla mill-ħalliel ikkonvertit u miċ-ċenturjun. F’Mattew 27, 32; 27, 40; Mark, 15, 21; 15, 30/32; Lq. 23, 26; Ġw.19, 17 biex ma nsemmix l-Ittri ta’ San Pawl.

 

42. Ma jistax ikollok salib jew tilbes salib.

Risposta:  Mhux bħal San Pawl li jgħid: “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mħux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu  (Gal. 6, 14). Fil-Bibbja li jġorru magħhom, is-salib imħabbar fis-serpent tal-bronż fid-deżert (Num. 21, 9;   Ġw. 3, 14). Jalla dawk l-Insara li jġorru xi forma ta’ salib, iġiblu rispett bil-mod kif jgħixu.

 

43. Tal-Ġeħovah obbligati li jirrappurtaw il-ħidma tagħhom lill-anzjani tagħhom.

Risposta: Attenti jgħidu anzjani, forsi biex ma jmerux lilhom infushom bil-kliem, għax ma jammettux kapijiet jew mexxejja, imma fil-fatt l-anzjani tagħhom huma l-kapijiet  u mexxejja, imeru lilhom infushom bil-fatti. “Ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl” (Lq.16, 8).   U jaħasra qegħdin fl-iżball huma u jwaqqgħu lil min hu dgħajjef fil-fidi.

 

44. Tax-Xhieda għandhom imorru bieb bieb biex jikkonvertu lil oħrajn.

Risposta: Jaħasra, mhux jikkonvertu imma jippervertu, għax mit-tajjeb jaqilbuhom għall-ħażin. Ħ  add ma jista' jagħti milli m’għandux. Tax-Xhieda żgur li m’għandhomx il-verità ta’ l-Iskrittura.  Imsieken għandhom taħwida kbira tal-Bibbja.

 

45. Ma jistgħux ikollhom ħbieb jekk mhux tax-Xhieda.

Risposta: Proprju  kontra dak li tgħallem il-Bibbja. Il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb tgħallimna li għandna nħobbu wkoll lil dawk li għandhom twemmin differenti.

 

46.  Tax-Xhieda għandhom isejħu lil xulxin bħala aħwa.

Risposta: L-istramberija ta’ din id-direttiva hija li fil-Bibbja lkoll nissejħu aħwa, bħala wlied  ta’ Missier Wieħed.

 

47. Tax-Xhieda m’għandhomx jilagħbu ċ-chess.

Risposta: Dnub li ma jgħidux x’inhi r-raġuni. Ippermettuli ngħidilkom x’naħseb jien fuq din id-direttiva.  Għax iċ-chess irid ħafna ħsieb u konċentrazzjoni. Min jaħseb u jikkonċentra kemm tax-Xhieda jħawdu l-Bibbja u  kemm il-fundatur tagħhom kien imħawwad  żgur li ma jaċċettax li jkun membru tal-Ġeħovah.

 

48. Ħadd ma jista' jifhem il-Bibbja mingħajr il-letteratura tal-Watchtower.

Risposta: Min tassew jagħmel studju serju  u profond  tal-Bibbja, ikun jaf kemm tal-Watchtower ma jafux  il-Bibbja.

 

49. Min jabbuża mit-tfal għandu jkun irrappurtat lix-Xhieda ta’ Ġeħovah u  mhux lill-pulizija.

Risposta: Din iktar hija ipokrita milli stramba, għax  biex ma jurux nuqqas serju bħal dan jibqa' mistur bejniethom, u l-periklu għat-tfal innoċenti  jibqa' fiċ-ċirku tagħhom.     Għandna naħsbu li bejniethom hemm ċertu periklu  għat-tfal?

 

50. Ta’ Ġeħovah għandhom jiċċaħħdu mill-vaganzi biex jattendu għal-laqgħat  annwali.

Risposta: Din mhix stramberija li wieħed jagħmel sagrifiċċju personali biex jattendi għal xi laqgħat.

  

51. Tax-Xhieda ma jistgħux jixtru karozza b’żewġ bibien, iżda waħda kbira biżżejjed għall-ħidma tagħhom.

Risposta: Ma naħsibx li hawn wieħed jista' jiskanta jew jikkritika. Hija għażla tagħhom. Li ma tgħidx din id-direttiva, għaliex dawn jinħtieġu karozza kbira għall-ħidma tagħhom. Naħseb biex iġorru magħhom ħafna kotba u karti. Meta jagħtukom ħuduhom u min mhux ippreparat biżżejjed jew jagħtiħom lil min jifhem jew iqattagħhom.

 

52. Ma jistgħux ikollhom  il-baffi

Risposta: Ukoll hawn ma jgħidux x’inhi r-raġuni. Naħseb biex il-membri jidhru iktar żgħażagħ, indaf. Ma jfissirx li min għandu l-baffi mhux nadif.

 

53. L-irgiel iridu jżommu xagħarhom qasir.

Risposta:  L-istess risposta ta’ fuq. Iridu juru li huma attraenti, puliti u żgħażagħ. Imma min ilumhom? Turi maturità l-indafa u lbies pulit.

 

54. In-nisa ma jistgħux jitolbu fil-preżenza ta’ l-irġiel mingħajr kappell.

Risposta: Ma nafx min ta din id-direttiva kellux f’moħħu dak li jgħid San Pawl: “il-mara għandha tinsatar biex turi li hemm is-setgħa ta’ żewgha fuqha minħabba l-angli… Jixraq li l-mara titlob b’rasha mikxufa? (1 Kor. 11, 10-15). Kieku kellu jikteb illum San Pawl kien jikteb mod ieħor, għax kien intelliġenti biżżejjed li fejn mhux ħażin jimxi maż-żmien. Dan tal-Ġeħova ma jagħmluhx… Fejn iridu baqgħu antikwati!

 

55. Ma jistgħux ikollhom tpinġija fuq ġisimhom.

Risposta: Qbilna f’xi ħaġa. Imma ngħiduha kif inhi, ikrah kemm hu ikrah ma jfissirx li min għandu t-tattoo għandu jkun emarġinat. Iva, it-tattoo jbaxxih lill-bniedem.

 

56. Ma jistgħux ipejpu.

Risposta: Ukoll hawn naqblu, u għal darb’oħra, it-tipjip ma jagħmilx ġid.

 

57. Fiż-żwieġ hu permess biss dak li hu uffiċjalment approvat.

Risposta: Ma jgħidulniex x’inhu permess uffiċjalment. Ħ  a ngħidilkom jien kif jarraġunaw. Jammettu li raġel jew mara jitilqu lil xulxin u jingħaqdu ma’ ħaddieħor. Dan hu permess mill-Bibbja li tgħidu li temmnu fiha? Darba qalli wieħed, li rranġa is-sitwazzjoni, għax ħalla l-mara u t-tfal li waħda minnhom lanqas kienet twieldet u llum għandu tfal barra ż-żwieg.  Dan hu l-permess? Għalhekk f’numru 54 għedt fejn jaqblilhom.

 

58. Għandhom jidhru quddiem kumitat ġudizzjarju, jekk jinqabdu jiksru xi regolamenti tal-Watchtower (id-dokumenti sigrieti ta’ kull membru li jirregolaw dawn il-kumitati jibqgħu miżmuma fi New York u qatt ma jinqerdu).

Risposta: Jiena nemmen li dan ir-regolament u l-oħrajn kollha għandhom ikunu magħrufa minn qabel li xi ħadd jingħaqad magħhom. Imma kif jiġrilha l-ħuta, l-ewwel jistaduk  mbagħad juruk it-taġen.

 

59. Ma jistax ikollom qniepen tar-riħ (wind chimes) dawn jiġru wara l-ispirti l-ħżiena

Risposta: Stramba hux? Min jemmen ħmerijiet ta’ din il-kwalità?

 

60. Ma jistgħux jaqraw materjal kontra x-Xhieda ta’ Ġeħovah.

Risposta: Ħ  aġa naturali, lanqas ix-xitan ma jrid min jaqra kontra tiegħu.

 

61. Ma jistgħux jużaw ikel ta’ l-annimali magħmul mid-demm jew prodotti tad-demm.

Risposta:  Dawn mhux għax jibżgħu mill-baqra miġnuna, imma għax iffissati u jinterpretaw ħażin id-demm kif għedt fin-numru 19.

 

62. Ma jistgħux ikunu membri ta’ club jew tim sportiv

Risposta: Qatt iltqajtu ma' xi żewġ maħbubin, li l-għira jew biża' li jitlef il-ħbiberija jissikka lill-parti l-oħra li lanqas jistgħu jitkellmu ma’ ħaddieħor? Tal-Ġeħovah jemmnu li l-membri tagħhom għandhom jingħalqu ġo gaġġa bejniethom. B’hekk iktar ikunu ċerti li ma jisimgħux il-verità.

 

63. Ma jistgħux  jilbsu ġojjelli bla valur jew tax-xorti

Risposta: Min jista' jlum lill-membri tagħhom x’juru u x’jilbsu? Kos, naqbel xi ftit magħhom għax meta nara kemm għandna, mhux biss żgħażagħ imma wkoll ġenituri u nanniet bil-ġojjelli f’kull parti tal-ġisem. Inkunu sinċieri… din mhix stramba għall-aħħar.

Ukoll ix-xitan għandu xi ħaġa tajba. Taf x’inhi?

 

64. Ma jistgħux jixtru kotba, mużika, plakki, stampi u ħwejjeġ oħra nsara.

Risposta: Hija l-istess tweġiba bħal numru 28. Tax-Xhieda jitwerwru minn letteratura nisranija u iżjed Kattolika. It-tagħlim Kattoliku jikxef l-iżbalji u t-twemmin żbaljat tagħhom.

 

65. Ma jistgħux jilbsu ġojjelli nsara.

Risposta: Tax-Xhieda għandhom allerġija għal dak kollu li hu Kattoliku jew nisrani. Stramba hux? U jiġu bil-Bibbja jiftaħru li hija l-istess Bibbja tagħna. Ma jafux li l-Knisja Kattolika tgħidilna liema huma l-Kotba Mqaddsa?

 

66. Fejn jiltaqgħu tax-Xhieda ma jistax ikun hemm twieqi.

Risposta: Meta xi ħadd jagħti xi direttiva, għandu jagħti r-raġuni. Ħ  aġa li ma jagħmlux. It-twieqi huma biex jagħtu arja ġdida. X’inhi r-raġuni ta’ din id-direttiva ma nafx. Jista' jkun li ma jħobbux arja friska jew minħabba l-biża' li jkunu osservati minn barra.

 

67. Jekk jaraw lil xi ħadd tax-Xhieda jiksru r-regoli, għandhom ikunu rrappurtati lill-anzjani biex jistħarrġuhom.

Risposta ara numru 43: Għax tax-Xhieda xi minn daqqiet jgħidu li m’għandux ikun hemm mexxejja, u drabi oħra jgħidu li min jonqos mir-regoli tagħhom ikunu rrappurtati lill-mexxejja.

 

68. Ġesù seta' dineb u falla fil-missjoni tiegħu.

Risposta: Hawn hu l-qerq tax-Xhieda. Jgħidulek imxu wara Ġesù li fih huma ma jemmnux u ma jafuhx għax ma jafux l-Iskrittura li jippretendu li jispjegawha lil ħaddieħor. Araw għandix raġun: “Hekk ukoll Kristu, wara li qarreb lilu nnifsu darba biex ineħħi d-dnubiet ta’ ħafna, jerġa' jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnub, imma biex jagħti s-salvazzjoni lil dawk li jistennewh” (Lh. 9, 28); “Aħna mxerkin bejnietna, u d-demm ta’ Ġesù, Ibnu, isaffina minn kull dnub”. (1Ġw. 1, 7): “Intom tafu li hu deher biex ineħħi d-dnubiet, u li m’hemm ebda dnub fih.” (1 Ġw. 3, 5); “Dak li ma għarafx id-dnub, Alla għamlu dnub għalina, biex aħna nsiru ġustizzja ta’ Alla fih” (2 Kor. 5, 21).

 

69. Ġesù ma twelidx is-salvatur, iżda sar Salvatur fil-magħmudija.

Risposta: Tax-Xhieda dejjem jivvintaw minn żniedhom kif igerfxu l-Bibbja. Meta titlobhom il-Bibbja li jkollhom f’idejhom u tispjegahielhom tħawwadhom. Mela ejja naraw xi tgħid l-Iskrittura: “Int m’għandek ebda Alla ieħor ħliefi. U m’hemmx għalik salvatur ieħor ħliefi” (Hosegħa 13, 4); “Mhux minħabba kliemek nemmnu, għax aħna nfusna smajna u rajna li dan hu tassew is-salvatur tad-dinja” (Ġw. 4, 42); “Tweldilkom illum fil-belt ta’ David, is-Salvatur li hu l-Messija l-Mulej” (Lq. 2, 11); “Bħalma Kristu hu ras il-Knisja, hu s-salvatur tal-Ġisem” (Efesin 5, 23); “Grazzja u sliem mingħand Alla u mingħand Kristu Ġesù, is-Salvatur tagħna” (Titu 1, 4); “Lil dawk li laqgħu fidi għażiża daqs tagħna bil-ġustizzja ta’ Alla tagħna u ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur” (2 Pt. 1, 1).

 

70. L-Organizzazzjoni tal-Watchtower hija l-profeta ta’ Alla fid-dinja llum.

Risposta: Profeta tfisser li tagħti xiehda f’dak li temmen u tafda. Il-martri huma profeti billi taw xiehda għal Alla b’demmhom, ħadd ma jista' jkun xhud ta’ min ma jemminx fih. Dan preċiżament li jagħmlu tax-Xhieda. Tal-Watchtower minn fejn joħroġ it-taħwid fuq Alla li hu Wieħed fin-natura u Tlieta fil-Persuni, it-Trinita Divina u dan tixhdu l-Iskrittura. Naturalment tax-Xhieda lanqas dan ma jafu.

    

71. In-nisa għandhom ikunu suġġetti għall-Watchtower.

Risposta: Kurjuża li n-nisa biss għandhom ikunu sottomessi għall-Watchtower. Dan ifisser li l-mara hija stmata inqas mir-raġel?

 

72. Ix-Xhieda m’għandhomx jissapportjaw lil pajjiżhom.

Risposta:  Li tissapportja lil pajjiżek huwa dritt naturali. Il-bnedmin galantomi u ċittadini ta’ pajjiżhom huma fid-dmir li jgħinu, jiddefendu u iissapportjaw lil pajjiżhom. Li ma tissapportjax lill-pajjiż tiegħek huwa tradiment.

 

73. Qabel ma jitgħammdu għandhom jagħmlu sitt xhur ta’ studju tal-Watchtower.

Risposta: Kif l-Insara bil-magħmudija jsiru membri tal-Knisja, hekk biex tkun membru tax-Xhieda trid titgħammed. Il-magħmudija tax-Xhieda m’hi xejn ħlief funzjoni bla effett fir-ruħ, għax la ma jemmnux fid-divinità ta’ Ġesù ma tagħmel ebda effett fir-ruħ. Il-magħmudija sagrament tista' tirċiviha darba biss, mela jekk dawk li jitgħammdu jkunu diġà mgħammdin, il-magħmudija tax-Xhieda hija vojta doppjament.

 

74. Qabel il-magħmudija, wieħed għandu jwieġeb iżjed minn 80 mistoqsija quddiem kumitat t’anzjani.

Risposta: Jidher li jkun eżami tqil, li juru li jkunu aċċettaw  it-twemmin stramb tax-Xhieda.

 

75. Ħafna mill-kotba ta’ l-Iskrittura jaqblu max-Xhieda ta’ Ġeħovah.

Risposta: Mela mhux il-kotba kollha imma xi wħud minnhom jaqblu max-Xhieda. Issa l-Bibbja kollha hija l-Kelma ta’ Alla. Mela jew taċċetta l-Kotba kollha jew xejn. Iva dan jagħmlu ta’ Ġeħovah, jaċċettaw dak li jaħsbu li jaqblilhom.

 

76. Ma jistgħux jiċċelebraw Jum l-Omm jew Jum il-Missier (jistgħu ikunu okkażjoni ta’ suppervja).

Risposta: Stramba hux? Il-Bibbja tgħallem biex  l-ulied jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom (Eż. 20, 12,  Dewt. 5, 16, Mt.15, 4, Ef. 6, 2) biex insemmi ftit.

 

77. Is-swali tas-saltna m’għandhomx ikollhom bankijiet.

Risposta: Naħseb li jkollhom jew siġġijiet jew pultruni, biex iktar ikunu komdi, jekk mhux biex ma jkunux bħall-knejjes insara.

 

78. Tax-Xhieda ma jistgħux jgħidu good luck.

Risposta: Nixtieq insib risposta għal kull stramberija. Naħseb jien li hawn għandhom raġun, għax min ikun membru tax-Xhieda qatt ma jista' jkun xortih tajba.

 

79: Alla ma jafx kollox “omnixxenti”.

Risposta:  X’ereżija!  Tassew li għalihom mhux x'tgħid il-Bibbja jgħodd, imma dak li jaqblilhom. Ma jafux li l-Bibbja kollha turina li Alla jaf kollox (ara Baruk kapitli 3 u 4). “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej. Kollha bil-għerf għamilthom”  (Sl.104, 24).  “Jiena, l-Għerf, ngħammar mad-dehen, għaqal u ħsieb jien għandi… Tiegħi l-fehma u l-għaqal, jiena l-fehma, tiegħi l-qawwa” (Prov. 8, 12).   “Li fih jinsabu moħbija  t-teżori kollha ta' l-għerf u x-xjenza” (Kol. 2, 3). U nista' nibqa' sejjer.

 

80. Alla ma jinsabx kullimkien.

Risposta: “Fejn immur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek? Jew fejn nista' naħrab minn quddiem wiċċek?... Jekk nitla' fis-smewwiet hemm int; jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ u mmur ngħammar fi truf il-baħar, hemm ukoll tilħaqni idek u taqbadni l-leminija tiegħek” (Salm 139, 7-10).

Jiena ma nafx kif jitkellmu fuq il-Bibbja… u dan biex ma ntawwalx. Imma tajjeb nistaqsi: “Tax-Xhieda li huma l-Amerika, jew fl-Ewropa, jew fl-Asja jew fl-Afrika, f’liema pajjiż Alla ma jeżistix?

 

81. Alla jitkellem biss permezz ta’ “grupp tat-tmexxija” fi Brooklyn, New York.

Risposta: U qabel ma bdew jeżistu tax-Xhieda, jiġifieri 135 sena ilu Alla ma tkellem  ma' ħadd? Ma jafux kemm għandna fil-Bibbja li Alla kellem lil Abraham, Mosè, Patrijarki u profeti? Dan li jinstab fil-Bibbja li jiġu biha f’idejhom ukoll jiċħduh?     M’hemmx agħma iktar minn dak li ma jridx jara.

 

82. L-Ispirtu s-Santu huwa biss għal dawk tax-Xhieda magħżulin.

Risposta: Dawn tax-Xhieda mhux biss imeru l-Bibbja li jiġru biha f’idejhom mingħajr ma jafuha, imma jikkontraduċu lilhom infushom… hawnhekk imeru dak li jgħidu fin-numru 4.  Aqra u tara hux veru.

 

83. Fl-ikla tal-Mulej għandhom jieħdu sehem  biss  dawk il-magħżulin tax-Xhieda (144,000).   Mela  99.99% tax-Xhieda ma jistgħux jieħdu sehem fl-ikla tal-Mulej.

Risposta: Mhix kurjuża din? Jafu tax-Xhieda Maltin, li kull mitt membru, wieħed biss jixraqlu li jieħu seħem mill-ikla tal-Mulej?  Tax-Xhieda jsejħulha ikla tal-Mulej, u ma fiha xejn minn dak li għamel il-Mulej. U msieken tax-Xhieda telqu l-Ikla vera tal-Mulej, li għaliha kulħadd min irid jista' jiekol minnha,  u  li jistgħu jagħmluha biss dawk li lilhom il-Mulej qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Tax-Xhieda m’għandhom xejn minn dak li hu tal-Mulej.

 

84. L-aħħar ikla ( ċena)  tal-Mulej tista' ssir darba fis-sena.

Risposta: Mulej tfisser Sinjur, mhux fis-sens għax għani imma għax Mgħallem,  Qawwi u Setgħan (LORD). Fin-numru 3, jiċħdu li Ġesù hu Alla. Fin-numru 12, li ma jistgħux jagħtu qima lil Ġesù, u  fin-numru  13  li ma qamx  mill-mewt bil-ġisem.   Issa jsejħulu MULEJ. Neħħi t-taħwid ma jibqa' xejn. Minn dan tista' tifhem li l-ikla li jagħmlu ma tfisser xejn.

 

85. Tax-Xhieda fi żmien xi kriżi, huma mħeġġa li ma jeħdux parir mill-familjari  tagħhom, minn tobba u professjonisti li mhumiex tax-Xhieda.

Risposta: F’kelma waħda tax-Xhieda huma mħeġġa biex ma jmorrux għand xi ħadd li jista' jiftħilhom għajnejhom li ma jarawx il-ħmerijiet u l-istramberiji tagħhom.     Agħma jmexxi lil agħma t-tnejn jaqgħu fil-ħofra.

 

86. Dawk tax-Xhieda  leali biss,  isalvaw l-Armagedon.

Risposta:  Bħas-soltu tax-Xhieda jinterpretawha kif iridu huma l-Bibbja. Fl-Apokalissi 16, 16 jissemma Armagedon,  post li fih issir l-aħħar ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dan ifisser li x-xitan fl-aħħar ikun megħlub.  Skond tax-Xhieda, huma biss  sejrin jagħmlu r-rebħa fuq ix-xitan… tassew imsieken.

 

87. Jekk ikollhom żwieġhom jew marthom mhux tax-Xhieda, l-ewwel lealtà għandha tkun għall-anzjani (mexxejja).

Risposta: Il-mara u r-raġel biż-żwieġ isiru ġisem wieħed, u dan tgħallmu l-Bibbja (Ġen. 2, 24,  Mk. 10, 7.  Ef. 5, 31),  li tax-Xhieda jgħidu li jafu.

Kif wieħed jista' ma jirrispettax il-ġisem tiegħu qabel ħaddieħor? U dan il-Bibbja tispjegah (Ef. 5, 29).  Iva. Iltqajt ma’ min ħalla l-mara u lil uliedu li ma aċċettawx li jsiru tax-Xhieda. Dan hu kontra dak li tgħallimna l-Bibbja li ż-żwieġ hu sal-mewt.

 

88. Ġesù hu daqs Adam (sempliċement raġel).

Risposta: Dan hu l-ingann  tax-Xhieda. Adam huwa l-bniedem. Qatt ma kien xi individwu…. ma jafux jinterpretaw il-Bibbja. It-Testment il-Ġdid jurina li Ġesù, imħabbar, jitwieled, jikber, jiekol, jegħja, jorqod, jistrieħ, jibki  eċċ. bħala bniedem. Bħala Alla jaħfer id-dnubiet, iqajjem il-mejtin, ifejjaq il-morda, u l-mirakli kollha, u fl-aħħar iqum mill-mewt.   Trid tkun tassew  bla raġuni li tgħid li Adam u Kristu huma indaqs!

    

89. L-aħħar ġudizzju għandu jsir elf sena oħra.

Risposta: Ma nafx kif tax-Xhieda ma jistħux iqarrqu. Fin-numru 25 jgħidu li t-tieni miġja ta’ Ġesu seħħet fl-1914. Dan kollu taħwid tal-Bibbja biex iġibuha fejn iridu, imma meta jippruvaw iħawdu l-Kelma ta’ Alla, jitħawdu huma. Issa ħa naraw xi tgħid il-Bibbja: “…nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu li bħallikieku l-miġja tal-Mulej qorbot” (2 Tess. 2, 1-8); “Għax bħalma l-berqa tleħħ mil-lvant u tixħet id-dija tagħħa sal-punent, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem” (Mt. 24, 27). “Kunu għajnejkom miftuħa, għax ma tafux meta se jasal il-waqt” (Mk 13, 23). Tax-Xhieda l-ewwel fallew meta pprofetizzaw li l-aħħar tad-dinja kellu jkun fl-1914, issa biex ibellgħu lil min hu fraġli vvintaw elf sena oħra.

 

90. Jekk titlaq jew titkeċċa ma tkunx imqajjem mill-mewt.

Risposta: Aħna nemmnu li għad irridu nqumu fl-aħħar tad-dinja. Mhux il-qawmien ta’ kulħadd ikun l-istess, il-Bibbja tgħidilna: “Kewkba ma tiddix daqs oħra. Hekk il-qawmien ta’ l-imwiet: jinżera’ fit-taħsir, iqum bla taħsir, jinżera’ fil-għajb, iqum fil-ġieħ…” (1 Kor. 15, 43ssq). Fi kliem ieħor, il-qawmien ikun skond l-għemil tal-bniedem.

 

91. It-talb tax-Xhieda biss huwa mismugħ minn Alla.

Risposta: Tgħid qed jitkellmu minn dak alla, kif jafuh huma fin-numru 79 li ma jafx kollox? Ma teħodhiex bi kbira li jemmnu li tax-Xhieda ma jafu xejn, li tista’ tbellgħalhom kollox.

 

92. Is-salvazzjoni tal-bnedmin hija sekondarja fil-pjan ta’ Alla; Ġesù kien mibgħut biex jagħmel ħaqq lill-isem ta’ Ġeħovah.

Risposta: Li Ġesù sebbaħ l-isem ta’ Alla tgħidulna l-Bibbja: “Jiena għarraft ismek lill-bnedmin” (Ġw.17, 6). Li l-isem ta’ Alla jiġi l-ewwel lanqas m’għandna dubju. Ma nistgħux ma nagħtux importanza fuq dak li band’oħra l-Bibbja tgħidilna: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw. 6, 38). “Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.” (Lq.19, 10). “Jiena ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex insalva d-dinja” (Ġw.12, 47). Naħseb li l-iskop ta’ din hu biex jaljenaw.

 

93. Alla għad jeqred lil dawk kollha mhux tax-Xhieda fl-Armageddon (ġudizzju).

Risposta: Minn fejn jafuha din? Fil-Bibbja hemm kontra: li l-Mulej se jagħti l-premju lil min jagħmel it-tajjeb u l-kastig lil min jagħmel il-ħażin (Mt. 25, 31-46; Mk 13, Lq. 21).

 

94. Ma tistax tgħid Alla jbierkek, (aħna ngħidu EVVIVA jalla tgħix) meta tagħtas.

Risposta: Stramba għall-aħħar. Jgħidu li l-antiki kienu jemmnu li meta xi ħadd jagħtas, kienet tista' tinqatagħlu vina u jmut. Għalhekk ngħidu EVVIVA jalla tgħix. Jekk tax-Xhieda hija stramba, min jemmen mhux inqas stramb/a.

 

95. Qatt ma tista’ tidħol fi knisja.

Risposta: Stramba din, għax kemm il-poplu Lhudi fit-Testment il-Qadim, Ġesù u n-nies ta’ żmienu kienu jmorru fit-tempju. It-tempju huwa post qaddis fil-Bibbja. Ara Ġwanni 2, 13 meta Ġesù keċċa l-bejjiegħa mit-tempju biex ma nsemmix ħafna postijiet fil-Bibbja li juru l-qdusija tat-tempju.

 

96. Qatt ma tista' tattendi servizz fi knisja

Risposta: Tassew li lill-Mulej nistgħu nqimuh kullimkien fl-ispirtu u l-verita (Ġw. 4, 23). Imma l-Bibbja tagħti importanza kbira lit-tempju (knisja).

 

97. Ma tistax tieħu sehem f’arti marzjali (militari), boxing, wrestling.

Risposta: Tax-Xhieda għandhom allerġija ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-militar, pulizija. Dawn għax għandhom relazzjoni mal-gwerer. Il-gwerer huma ħaġa negattiva, imma li jkollok militar biex jevita l-gwerer hija ħaġa tajba.

Rigward il-boxing u wrestling, nistgħu ngħidu li qbilna f’xi ħaġa, għax dan il-kwalità ta’ sport huwa goff, jista' jħeġġeġ il-mibegħda u jkun ta’ periklu. Naqblu.

 

98. Tax-Xhieda ma jistgħux jieħdu sehem f’teatrin (play) ta’ skola.

Risposta: Sa minn żmien żemżem, fl-iskejjel jittellgħu mimi, reċti, drammi u l-bqija. Dawn huma parti mill-edukazzjoni u kultura li tingħata lit-tfal. Kulħadd b’xi idea stramba… din waħda minnhom.

 

99. Ma jistgħux jagħtu demm jew organi tal-ġisem wara l-mewt.

Risposta: Din l-istramberija ġejja mill-fatt li dawn tax-Xhieda jinterpretaw ħażin il-Bibbja, li jaħsbu li huma l-aqwa interpreti tagħha. Fuq kif jaħsbuħa fuq id-demm tkellimna fin-numru 19.

 

100. Tax-Xhieda qatt ma jistgħu jagħmlu mistoqsijiet jew jiċħdu dak li jkun stampat fil-Watchtower.

Risposta: Tajba din hux! Jafu li fil-kitba tagħħom hemm mhux stramberiji imma wkoll kontradizzjonijiet u interpretazzjonijiet ħżiena tal-Bibbja. Iridu li l-membri tagħhom ikunu mzazen… jibilgħu dak li jbellgħulhom.

 

101. Tax-Xhieda ma jistgħux jattendu funeral ta’ xi ex tax-Xhieda.

Risposta: Il-Bibbja tgħallimna li l-bnedmin kollha hu x’inhu t-twemmin tagħhom, hi x’inhi l-kultura, huma kollha aħwa, ulied ta’ l-istess Missier. Mela skond din l-istramberija, meta ma jibqgħux fis-setta tagħhom ma jibqgħux aħwa, tant li lanqas jistgħu jattendu għall-funeral tagħhom. Taħt din l-istramberija jien naħseb li hemm xi ħaġa moħbija, bħal ngħidu aħna, li ma jmorrux jisimgħu fuq l-immortalità tar-ruħ, fuq il-ġudizzju, fuq l-infern u l-ġenna.

Minn dak li rajna fuq il-mija u wieħed twemmin stramb tax-Xhieda, kemm ma jaqbilx li tkun f’setta din il-kwalità li wara li tagħti ħajtek u mxejt b’għajnejk magħluqa, m’hemm l-ebda tama ta’ ħajja oħra kif tgħallimna l-Bibbja.

Il-Knisja Kattolika, hi biss għandha s-setgħa li tinterpreta u tgħallem dak li fiha l-Bibbja. Il-Bibbja li hija l-Kelma ta’Alla li tagħti l-ħajja, it-tama u l-ferħ.

Joqgħod ħafna għal dawk li kienu Kattoliċi u ħaddnu l-istramberiji tax-Xhieda, dak li jgħid Ġeremija: “Żewġ ħtijiet għamel il-poplu tiegħi; lili telquni, għajn ta’ ilma ġieri, biex ħaffru bjar miksura li ma jżommux ilma” (Ġer. 2, 13).